Ħadd ma jinqabad jikser il-kwarantina … 4 persuni mmultati €100 kull wieħed

Skont l-aħħar informazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet konċernati, ma nstab ħadd jikser il-kwarantina obbligatorja waqt l-425 spezzjoni li saru fl-aħħar sigħat madwar Malta u Għawdex. L-appell jittenna biex kulħadd jibqa’ responsabbli u jikkopera mad-direttivi li jingħataw mill-awtoritajiet.

Madanakollu 4 persuni ngħataw multa ta’ €100 kull wieħed waqt ir-rondi li qed tagħmel il-Pulizija biex tassigura li ma jkunx hemm ġemgħat t’aktar minn 3 persuni f’postijiet pubbliċi skont l-avviż legali li ħareġ il-Gvern.

Għal darb’oħra l-ebda stabbiliment tal-ikel u x-xorb ma nstab jikser ir-regolamenti sabiex jibqgħu magħluqin sabiex titrażżan il-firxa tal-Covid-19. Fl-aħħar sigħat saru 945 spezzjoni f’diversi lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex. Xi wħud mill-ispezzjonijiet qed isiru darbtejn fl-istess ġurnata. Stabbiliment tal-ikel u xorb li jinqabad jikser ir-regolamenti jeħel multa ta’ €3,000 kull darba li jinqabad miftuħ.

L-appell dejjem jibqa’ għall-koperazzjoni, mhux biss tas-sidien tal-istabbilimenti li jridu jibqgħu magħluqin imma anke mill-pubbliku ġenerali li m’għandux jinġema’ fi gruppi barra stabbilimenti li jbigħu take-aways jew deliveries iżda dejjem iżomm id-distanza bejn persuna u oħra. Tista’ tirrapporta lil min jabbuża fuq 21692447.

Share With: