“Ħafna minna jgħixu kuljum maqfulin ġewwa djarhom marbutin mal-ventilaturi” – Bjorn Formosa

F’messaġġ fuq Facebook, il-fundatur ta’ ALS Malta, Bjorn Formosa, qal li diġa’ għaddew erba’ ġimgħat minn meta spiċċa magħluq ġewwa l-kamra tiegħu stess imqabbad mal-ventilatur, jistenna li jaslu jiem aħjar. Huwa iżda qal li: “fir-realtà għalina l-pazjenti bl-ALS u r-residenti f’Dar Bjorn dan mhu xejn ġdid.”

“Ħafna minna jgħixu kuljum maqfulin ġewwa djarhom marbutin ma’ dawn il-ventilturi, nistennew li tolqotna l-pnewmonja. Issa kulħadd jinsab fl-istess dgħajsa u tistgħu tifhmu aħjar, id-diffikultà li ngħaddu minnha ta’ kuljum biex ngħixu f’dawn il-kundizzjonijiet. Għalina l-coronavirus huwa ta’ kuljum f’ħajjitna,” tenna Formosa.

Huwa temm jisħaq li għalhekk ma nistgħux nieqfu u rridu nkomplu naħdmu biex ngħinu lin-nies li jgħixu ta’ kuljum f’dawn il-kundizzjonijiet. “Qed inkomplu nipprovdu servizzi lill-pazjenti kollha tagħna iżda d-dħul tnixxef kompletament għax ma nistgħux norganizzaw aktar avvenimenti. Naf li huwa żmien diffiċli għal kulħadd imma jekk trid tgħin lill-pazjenti tagħna, tista’ tagħmel dan billi tibgħat SMS fuq 50618936 għal donazzjoni ta’ €6.99 jew 50619271 għal donazzjoni ta’ €11.65 jew żur is-sit www.alsmalta.org.

Share With: