Heung-min Son lest biex jagħmel it-taħriġ tal-lieva

L-attakkant ta’ Tottenham Hotspur, Heung-min Son, irritorna fil-Korea t’Isfel biex jaqdi l-irwol tiegħu militari anke waqt l-imxija xejn sabiħa tal-coronavirus.

Il-liġi f’dan il-pajjiż tgħid li kull żagħżugħ irid iservi l-armata għal sentejn.

Iżda huwa se jagħmel sitt ġimgħat taħriġ minħabba li, flimkien mal-players sħabu li rebħu t-Tazza Asjatika, f’Settembru 2018 meta fil-finali għelbu lill-Ġappun 2-1, huwa eżentat milli jagħmel is-sentejn.  

B’hekk Son se jkun qed jagħmel is-servizz mandatorju tiegħu hekk kif il-Kampjonat Premier Ingliż jinsab sospiż minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Dan is-servizz se jibda fl-20 ta’ April li ġej fil-gżira ta’ Jeju.

Żgur li għal Son din mhux se tkun avventura daqshekk sabiħa minħabba li se jkun espost għall-gass tad-dmugħ, jitħarreġ fit-tifi tan-nar u jimmarċja tletin kilometru għal tliet ġimgħat.

Sadanittant l-uffiċjali tal-korpi marini ħabbru iktar informazzjoni dwar l-attivitajiet li Son mistenni jipparteċipa fihom. Il-player ta’ 27 sena se jkun qed jagħmel taħriġ iebes u ferm aħrax bħal jispara bil-pistola, jissapporti l-gass tad-dmugħ u jieħu sehem fi gwerer. Hawn is-suldati se jkunu qed jidraw movimenti ta’  kif jitmiegħku mal-art u jitbaxxew f’każ li jkun ġej xi attakk. Huwa se jkun qed iġorr ukoll diversi armamenti li xi wħud minnhom huma ftit tqal.

Kien hawn li d-diriġenti ta’ Tottenham ħarġu stqarrija biex jikkonfermaw li Son se jkun qed jibda dan it-taħriġ militari obbligatorju f’pajjiżu stess fil-Korea t’Isfel.

Heung Min Son wasal f’pajjiżu fl-aħħar ġimgħa ta’ Marzu fejn bħalissa jinsab fi kwarantina obbligatorja. Fl-istess waqt it-tobba ta’ Spurs jinsabu f’kuntatt mal-player li għadu qed jirkupra minn ksur f’idu li ġarrab fl-aħħar logħba kompettitiva li lagħab fis-16 ta’ Frar li għadda kontra Aston Villa li huma rebħu bl-iskor ta’ 3-2.

Kelliem għall-club Ingliż qal li Son kien qed jagħmel ir-rijabilitazzjoni tiegħu fi klinika f’Londra u barra minn hekk kien qed ikollu xi sessjonijiet online mal-fiżjo-terapisti tal-club minħabba li ma setax joħroġ bl-imxija tal-coronavirus li baqgħet dominanti fir-Renju Unit.

Heung Min Son se jkun qed jirritorna fil-belt kapitali Ingliża f’Mejju li ġej.

Share With: