Hospice Malta tniedi l-kampanja “Become a Hospice Supporter”

Hospice Malta nediet il-kampanja “Become a Hospice Supporter”, inizjattiva mmirata biex tħeġġeġ lill-pubbliku biex jgħin lil Hospice Malta billi jagħti donazzjoni zgħira ta’ €10 fis-sena jew aktar.

Hospice Malta bħalissa qed tiġbor fondi biex jinbena il-kumpless St Michael Hospice għal pazjenti li jeħtieġu servizzi ta’ kura paljattiva. Il-faċilità ġdida se tippermetti lil Hospice Malta biex tkompli toffri u ttejjeb is-servizzi paljattivi tagħha.

Dawk li jixtiequ jsiru Hospice Supporters huma mħeġġa jidħlu fuq https://hospicemalta.org/product/hospice-supporter/ u jagħmlu d-donazzjoni tagħhom.

Illum Hospice Malta tgħin iktar minn 1,300 familja fis-sena. L-ex Istitut ta’ Adelaide Cini f’Santa Venera, mgħoddi lil Hospice Malta mill-Arċidjoċesi ta’ Malta s-sena l-oħra, se jara l-ewwel Hospice Complex ta’ Malta ssir realtà. Il-propjetà, inkluż il-bini eżistenti u l-ġonna, jkopru total ta’ 11,000 metru kwadru, li fihom ser ikun hemm is-sevizzi kollha ta’ matul il-jum (Day Therapy Services), servizzi ġodda ta’ in-patient, l-uffiċini li minnhom jingħataw is-servizzi fil-komunita’, kif ukoll dipartiment tal-edukazzjoni.

“Ix-xogħlijiet diġà bdew f’St Michael Hospice u neħtieġu aktar appoġġ mill-pubbliku sabiex inlestu dan il-proġett ambizzjuz li llum huwa tant meħtieġ għall-pazjenti u l-familji tagħhom. Sfortunatament, ninsabu fi stadju fejn il-kanċer jaffettwa wieħed minn kull tliet persuni, b’din iċ-ċifra mistennija tikber fis-snin li ġejjin,” ikkummentat Maria Gatt, Chairperson ta’ Hospice Malta. “Ilna li ħassejna l-ħtieġa ta’ ċentru li joffri servizzi palljattivi speċjalizzati u ninsabu qrib li nwettqu din il-ħolma bit-tlestija ta’ St Michael Hospice.”

Bl-appoġġ tal-pubbliku, Hospice Malta se tkompli tibni il-kumpless ta’ St Michael Hospice u ser tkun tista’ tkompli toffri u ttejjeb is-servizzi paljattivi tagħha, bla ħlas, għall-komunità tagħna. Imwaqqfa fl-1989, l-irwol ewlieni ta’ Hospice Malta huwa li jipprovdi u jippromwovi servizzi ta’ kura paljattiva lil pazjenti li jbatu mill-kanċer, motor neuron disease, mard tal-qalb, respiratorju, tal-kliewi u tal-fwied.

Hospice Malta hija NGO reġistrata mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.

Għal aktar informazzjoni dwar Hospice Malta u St Michael Hospice, żur www.hospicemalta.org

Share With: