Iċ-Ċina mitluba tħallas għad-danni kkawżati mill-Coronavirus

Rabja f’Beijing wara li l-Ġermanja tingħaqad ma’ pajjiżi oħra u titlob ħlas għal danni ta’ €149 biljun 

Minn CARMEN CACHIA

Hekk kif il-mewġa tal-pandemija tal-Coronavirus baqgħet tkaxkar għadd ta’ pajjiżi b’total ta’ żewġ miljun u nofs ta’ infezzjonijiet madwar id-dinja, it-tensjoni qiegħda tikber fejn għadd ta’ pajjiżi b’saħħithom fosthom l-Istati Uniti, il-Ġermanja u r-Renju Unit qegħdin jinvestigaw liċ-Ċina dwar jekk hiex b’xi mod responsabbli għal dak li qiegħed jiġri. Fil-fatt fi tmiem il-ġimgħa ħarġet l-aħbar “bomba” li l-Ġermanja bagħtet kont ta’ xejn inqas minn €149 biljun f’danni lil Beijing u sadanittant kien ikkonfermat li s-Servizz Sigriet ingħaqad ma’ dak Amerikan fl-investigazzjonijiet tiegħu biex jikkonfermaw jekk kienx hemm xi ħabi dwar kif beda l-Covid-19.

Is-sitwazzjoni madwar id-dinja mhix waħda pożittiva. Is-super potenza Amerikana, immexxija minn Donald Trump, hija l-aktar li sofriet każi ta’ infezzjonijiet kif ukoll l-akbar ammont ta’ vittmi – aktar minn 40,000 persuna. 

Sitt pajjiżi Ewropej – Spanja, l-Italja, Franza, il-Ġermanja, ir-Renju Unit u issa t-Turkija qabżu liċ-Ċina, ground żero, fin-numru ta’ infezzjonijiet. Però, lat ieħor pjuttost inkwetanti fir-rigward tar-relazzjonijiet bilaterali huwa dak fil-każ tal-Iran u r-Russja li għall-bidu ta’ din il-pandemija kienu pjuttost “favur” iċ-Ċina. Issa, dawn iż-żewġ pajjiżi qegħdin, aktar ma jgħaddi ż-żmien, jisfgħu vittmi tal-virus minn Wuhan tant li jinsabu wara ċ-Ċina fil-lista tal-każijiet irrapportati. L-Iran diġà ħabbar aktar minn 5,000 imwiet mentri r-Russja f’ġurnata waħda rreġistra aktar minn 4,000 każijiet ta’ infezzjonijiet ġodda. 

Jekk dawn il-pajjiżi jibqgħu jsofru mill-pandemija tal-Coronavirus, jista’ jagħti l-każ li huma wkoll jippuntaw subgħajhom lejn iċ-Ċina għad-danni li qegħdin isofru.

Aħbar mhux daqstant mistennija hija dik li l-Ġermanja attakkat lil Beijing li hija responsabbli għad-danni ekonomiċi li qiegħed isofri dan il-pajjiż minħabba l-pandemija tal-Coronavirus. Il-kont ta’ €149 biljun intlaqa’ b’rabja kbira minn Beijing hekk kif is-sors ta’ din it-tifqigħa għadu mhux ikkonfermat. 

Ilkom tafu li l-Covid-19 jinxtered malajr, iżda m’għarraftux lill-bqija tad-dinja

Il-ġurnal Bild

L-akbar ġurnal Ġermaniż, “Bild”, ippubblika l-lista tad-danni li l-pajjiż sofra li jinkludu €27 biljun għat-telf fis-settur turistiku, €7.2 biljun fl-industrija tal-films, €1 miljun is-siegħa għal-linja tal-ajru Ġermaniża “Lufthansa” u €50 biljun għan-negozji ż-żgħar lokali. “Bild” ikkalkula li dan jammonta għal €1,784 kull persuna jekk il-Prodott Gross Domestiku tal-Ġermanja jaqa’ 4.2% u saħaq li dan huwa l-ammont li ċ-Ċina għandha tagħti lill-Ġermanja.

Għal din l-aħbar iċ-Ċina b’rabja qalet li l-kont għandu biss il-ħsieb li jqajjem sens ta’ xenofobija u nazzjonaliżmu iżda l-editur tal-Bild, Julian Reichelt irribatta. Bħala ġurnal, huma staqsew jekk iċ-Ċina għandhomx iħallsu għall-ħsara kbira ekonomika li kkawża l-Coronavirus madwar id-dinja kollha.

“Xi Jinping, il-Gvern u x-xjenzati tagħkom kienu ilhom jafu li l-Covid-19 jinxtered malajr iżda m’għarraftux lill-bqija tad-dinja b’dan il-periklu serju. L-ogħla esperti tagħkom ma tawx każ tar-riċerkaturi tagħna meta staqsewkom x’inhu jiġri f’Wuhan. Kontu wisq kburin u nazzjonalisti biex tgħidu l-verità għax bħala nazzjon ħassejtukom mistħija b’dak li kkawżajtu,” sostna Reichelt.

L-istess tip ta’ talba mill-Ġermanja saret ukoll minn pajjiżi oħra bl-akbar vuċi tkun dik tal-President tal-Istati Uniti, Donald Trump. L-Amerika u l-alleati tagħha kemm-il darba akkużaw liċ-Ċina b’nuqqas ta’ trasparenza dwar il-pandemija. Huwa wissa liċ-Ċina li għandha tiffaċċja l-konsegwenzi jekk hija kienet b’xi mod konxja bil-perikli tal-virus u ħalliet li jinxtered f’livell ta’ pandemija mondjali.

“Jekk dan kien żball mod, għax żball huwa żball. Iżda, jekk huma kienu jafu li huma responsabbli għat-tifqigħa, allura għandu jkun hemm il-konsegwenzi,” iddikjara Trump. Min-naħa tiegħu huwa jemmen li din il-pandemija setgħet ġiet evitata kieku ċ-Ċina ħadet azzjoni f’waqtha u t-tixrid kien jieqaf fiċ-Ċina minflok mad-dinja kollha.

In-numru tal-każi f’Wuhan jitla’ b’50%

Sadanittant iċ-Ċina qiegħda tiċħad li b’xi mod hija responsabbli għad-diżastru li kkawżat din il-pandemija. L-akkużi lejn dan il-pajjiż żdiedu hekkk kif in-numru tal-mejta f’Wuhan mill-Coronavirus żdied b’50% minn dak li oriġinarjament kien iddikjarat.

Il-Gvern Ċiniż qal li ma kien hemm ebda ħabi dwar in-numru tal-vittmi u li l-figuri uffiċjali mħabbra kellhom żieda konsiderevoli minħabba li imwiet li seħħu f’binja residenzjali ma kienux iddikjarati lill-uffiċċju tal-istatistika lokali. Issa huwa rrapportat li kien hemm 1,300 persuna oħra li mietu f’Wuhan biex wassal in-numru tal-vittmi jitla’ minn 1,290 għal 3,869. 

Kemm il-President Franċiż, kif ukoll dak Ingliż, ikkritikaw liċ-Ċina għall mod kif Beijing ġab ruħu fil-kriżi tat-tifqigħa tal-Coronavirus f’Wuhan. Emmanuel Macron qal lil “Financial Times” li kien hemm pajjiżi fejn l-informazzjoni kienet trasparenti mentri oħrajn, ħbew il-verità. 

Is-Segretarju tal-Affarijiet Barranin Ingliz, Dominic Raab, qal li ċ-Ċina għandha tirrispondi għal ħafna mistoqsijiet li għandhom rigward din il-pandemija u sostna li hemm bżonn investigazzjoni dwar din il-kriżi, inkluż kif oriġinarjament beda t-tixrid ta’ dan il-virus qattiel. 

Danni mitluba mill-Ġermanja liċ-Ċina:

  • €27 biljun għat-telf fis-settur turistiku
  • €7.2 biljun fl-industrija tal-films
  • €1 miljun is-siegħa għal-linja tal-ajru Ġermaniża “Lufthansa” 
  • €50 biljun għan-negozji ż-żgħar

Protesti fl-Amerika biex il-poplu jingħata “l-libertà”

Konsegwenza tal-miżuri meħuda biex ikun evitat it-tixrid tal-Coronavirus, fl-Istati Uniti l-irjus bdew jisħnu. Għadd ta’ persuni ħarġu jipprotestaw fit-toroq f’diversi stati fejn il-karozzi tad-dimostranti bdew anke jxekklu lill-ħaddiema tas-saħħa milli jidħlu fuq il-post tax-xogħol tagħhom. 

Il-BBC irrapporta li eluf ta’ Amerikani qegħdin jagħmlu protesti biex jagħmlu pressjoni fuq il-Gvern ħalli jerġa’ jiftaħ in-negozji u l-postijiet tax-xogħol li kellhom jingħalqu bħala prekwazjoni mit-tixrid tal-virus. 

Protesti f’Arizona, Colorado, Montana u Washington saru fi tmiem il-ġimgħa li għadda wara li għadd ta’ stati oħra wkoll esperjenzaw dawn it-tip ta’ protesti. L-Istati Uniti laħqet it-tliet kwarti ta’ miljun infezzjonijiet, l-ogħla numru fid-dinja. F’dawn l-aħħar ġranet, però, jidher li l-agħar tal-mewġa ta’ din il-pandemija għadda, tant li l-President Trump jidher qiegħed jikkonsidra jibda jerħi ftit mir-restrizzjonijiet imposti fuq il-pajjiż u ċ-ċittadini tiegħu.

Share With: