“Id-dinja ħobż għandha bżonn mhux armi”

Dun Ġorġ Dalli: “Nittama li din l-esperjenza ta’ falliment ta’ bħalissa tqajjimna mill-mewt tagħna ma’ Kristu Ġesù”

F’messaġġ tal-Għid li qasam ma’ dan is-sit, Dun Ġorġ Dalli saħaq li xtaq jingħaqad mal-appell tal-Papa Franġisku: “Ejjew nitgħallmu minn din l-esperjenza tal-Coronavirus li d-dinja, ħobż għandha bżonn, u mhux armi. Ma rridux noħolqu aktar gwerer, ġuħ u tbatija, u ejjew ma ninsewx.”

“Nispera li din l-esperjenza ta’ falliment li qegħdin ngħixu bħalissa ma twassalniex biss fuq il-Golgota, imma tqajjimna mill-mewt tagħna ma’ Kristu Ġesù. Ejjew nibqgħu nobogħdu u nikkumbattu dan il-mument bit-tama, biex inqumu ma’ Kristu Rxoxt u Rebbieħ.”

Dalli fakkar kif l-ewwel kelma li Ġesù Rxoxt awgura lid-dixxipli tiegħu magħluqa ġewwa ċ-ċenaklu kienet “il-Paċi Magħkom. Urihom il-pjagi ta’ idejh u ġenbu, biex jurihom li wara s-salib jiġi l-qawimien.”

“Is-suldati għassa mas-salib ma setgħux iżommuh. Il-ħażen jippersegwita u jħabbat lit-tajjeb, imma ma jistax jirbaħlu, għax Alla qiegħed fuq in-naħa tat-tajjeb. Minkejja li kien il-ħażen li wassal lil Ġesu sal-falliment tas-salib, u spiċċa biex iħossu abbandunat bħalma ħafna minnha ninsabu weħdina.. Ir-realta’ hija li l-mewt ma tirbaħx. Għaliex aċċetta l-falliment tas-salib, Ġesù tana l-ħajja, u salva l-futur tagħna. Bil-mewt tiegħu, biddel il-mewt tagħna f’ħajja aħjar.”

Share With: