Id-direttur ta’ Udinese jsostni li l-Premier League Ingliż se jiġi null

Hekk kif il-logħbiet kollha tal-Premier League Ingliż huma kkanċellati minħabba l-pandemija tal-coronavirus, bħalissa hemm inċertezza kbira jekk l-istaġun attwali jkomplix jew le.

Kien għal din ir-raġuni li d-direttur ta’ Udinese, Pierpaolo Marino, qed jispekula li dan l-ogħla kampjonat Ingliż mhux se jkompli u fi ftit tal-ġranet oħra l-uffiċjali ewlenin se jkunu qed iħabbru fi stqarrija li mhux se jkun jista’ jitkompla u kollox se jiġi dikjarat null. 

Din l-ispekulazzjoni saret fi sfond tax-xewqa ta’ ħafna li dan l-istaġun ikompli anke jekk jidħlu fix-xhur tas-sajf.

Fil-fatt f’video conference li saret bejn ir-rappreżentanti ta’ 20 club differenti, ġie stabbilit li d-data tat-30 ta’ April għadha kmieni wisq sabiex jitkompla dan l-istaġun.

Minkejja kollox, il-fehma ta’ kulħadd hi dik li kollox ikompli normali ladarba tgħaddi din l-imxija kerha tal-coronavirus. L-għan huwa li l-clubs jingħataw 15-il ġurnata sabiex jerġgħu jibdew jitħarrġu u eventwalment jibda l-logħob mill-kampjonat domestiku.

Madankollu Marino, li l-club tiegħu huwa mmexxi mill-familja Pozzo li għandhom ukoll lil Watford City, kien ta’ fehma differenti minħabba li hemm inċertezza kbira, fejn skond hu, ħadd ma jaf fejn qiegħed. 

Marino kien qed jikkummenta wara li l-Federazzjoni Belġjana tat tmiem għall-kampjonat tagħha Jupiler League minkejja li rċeviet xi theddid mingħand l-UEFA li l-membri qabdu u ddeċidew għal rashom. 

Marino temm jgħid li fiż-żmien mhux ‘il bogħod, l-istqarrija se tkun qed tinħareġ mill-bord tal-Premier League minħabba li s-sitwazzjoni fil-pajjiż qed issir dejjem aktar diffiċli.

Share With: