Il-bejgħ tal-club ta’ Newcastle huwa immorali u jirrifletti ħażin fuq il-football

Il-Prinċep mill-Arabja Sawdita, Mohammed Bin Salman, jinsab ferm viċin li jieħu t-tmexxija tal-club li jilgħab fil-Premier League Ingliż, Newcastle United.

B’hekk uffiċjalment was­let fi tmiemha l-presidenza ta’ Mike Ashley li kien ilu fir-riedni tal-Magpies għal dawn l-aħħar 13-il sena li fihom ra minn kollox … mir-re­legazzjoni għaċ-Cham­pionship  … għal diversi pro­mozzjonijiet għall-Premier League.

Ashley biegħ lill-club min-naħa ta’ fuq tal-Ingilterra għal £300 miljun bil- konsorzju li kien immexxi mill-finanzjiera ferm ri­no­ma­ta, Amanda Staveley.

Mohammed bin Salman bin Abdulaziz al-Saud għandu 34 sena u huwa s-sitt wild  minn 25 tar-Re tal-Arabja Sawdita, Salman Bin Abdulaziz Al Saud.

Huwa kkunsidrat bħala wieħed mill-iktar nies sinjuri fid-dinja meta r-renju tiegħu huwa stmat li jiswa  £1.3 triljuni.

Il-Prinċep Mohammed Bin Salman waħdu għandu ġid personali li jlaħħaq is-somma ta’ £2.4 biljun li jinkludu jott ta’ £400 miljun, kastell Franċiż li jiswa £240 miljun u pittura ta’ Leonardo da Vinci li tqarreb it-£360 miljun.

Jekk wieħed iħares lejn il-jott enormi li għandu, dan huwa meqjus bħala d-disa’ l-ikbar wieħed fid-dinja li fih jistgħu joqogħdu sa 24 passiġġier u ekwipaġġ ta’ 52 persuna b’aktar faċilitajiet li jagħmluh wieħed verament komdu.

Ħafna kienu dawk il-ġurnalisti sportivi Ingliżi li fil-paġni tagħhom esprimew l-opinjoni tagħhom dwar dan l-akkwist ferm kontroversjali.

Ħafna minnhom kienu tal-fehma li din it-tmexxija l-ġdida mhux biss hija insult għad-dilettanti tal-football in ġenerali iżda wkoll turi realtá xejn sabiħa li llum kollox sar xejn m’hu xejn quddiem il-qawwa tal-flus.

Ġurnalist partikolari ġie­tu nostalġija ħelwa meta sa 30 jew 40 sena ilu l-clubs Ingliżi kien ikollhom si­dien mill-istess belt fejn kienu joqogħdu u li kienu jkunu kburin li qed jagħtu kontribut biex il-club tal-belt ikollu s-suċċessi tiegħu.

Ħafna kienu jonfqu ġidhom fuq dan it-team tal- football filwaqt li jinvestu l-finanzi tagħhom fi players ta’ ċertu kalibru. Dan is-sid normalment kien ikollu fabbrika kbira jew aġenzija partikolari fejn il-flus ma kinux jonqsu.

Minkejja kollox kienu żminijiet oħra fejn il-players ma kinux jiswew is-somom fenomenali tal-lum il-ġurnata u fejn il-football kien jintlagħab u jitmexxa b’mentalitá differenti.

Ħarsa ‘l quddiem lejn il-preżent, wieħed jinduna li verament l-affarijiet inbidlu ta’ taħt fuq fejn il-lum bil-flus tista’ litteralment tagħmel triq fil-baħar. Anke l-istess partitarji akkaniti Ingliżi ftit jimpurtahom minn fejn jiġu l-flus minħabba li iktar sar importanti li s-sid partikolari jixtri attakkant li jiswa l-miljuni ta’ liri milli xi dettalji oħra.

Din il-mentalita’ ġabet sit­wazzjoni xejn sabiħa fejn il-flus saru jduru mhux ħażin fil-logħba tal-football u fejn l-unur sar dettall u l-ġid finanzjarju sar il-fattur l-aktar importanti.

B’hekk Newcastle Uni­ted ingħaqdu ma’ numru ieħor ta’ clubs Ingliżi li fittxew sid li jkollu bir bla qiegħ biex jippompja l-miljuni.

F’dawn is-sigħat Mike Ashley se jkun qed iċedi t-tmexxija amministrattiva tal-Magpies lil dan il-prinċep mill-Arabja Sawdita li se jkollu 80% tal-ishma tal-club.

Osservatur ieħor li jsegwi mill-qrib il-football Ingliż kien tal-fehma li n-nies fi ħdan il-clubs tal-Premier League saru jaċċettaw kollox ladarba jkun hemm il-flus mingħajr ma jistaqsu ċerti mistoqsijiet kruċjali.

Eżatt bħal Manchester City, anke Newcastle Uni­ted se jkunu qed jiġu mmexxija minn miljunarji li l-interess tagħhom m’hu xejn ħlief li jkomplu jkollhom aktar ġid fejn għal darb’oħra l-flus jitkellmu waħedhom.

Minkejja kollox hemm perċentwal żgħir ta’ partitarji ġenwini ta’ Newcastle li għandhom ċerta etá u li qed jaraw li l-unur li jkollok wieħed mill-aqwa clubs tan-naħa ta’ fuq tal-Ingilterra qed jispiċċa u fejn l-identitá tal-club qed tispiċċa fix-xejn.

Dawn l-istess partitarji ve­terani xejn ma ħadu pja­ċir li tliet kwarti tal-ishma tal-club li tant isegwu b’akkaniment se jingħata lill-prinċep mill-Arabja Sawdita li aktar milli jkun kburi li se jkun qed imexxi club glorjuż, se jara dan kollu bħala dettall sabiex ikollu aktar u aktar miljuni ta’ liri.

Dawn il-partitarji sostnew li huwa ferm ironiku li fi kriżi kbira li għaddejja bħalissa minnha d-dinja, ikun hemm dan ix-xiri b’ammont kbir ta’ flus involuti.

Fl-istess waqt dan l-ak­kwist qed isir f’perjodu fejn il-clubs Ingliżi għaddejjin minn inċertezza kbira u fejn id-deċiżjonijiet mhux qed jittieħdu kif suppost b’ħafna amministraturi tal-clubs li qed ibiddlu l-fehma tagħhom mal-inqas intopp li qed jinqala’.

Finalment wieħed jista’ jinduna li l-Premier League qed ikompli jinbidel fejn il-qligħ finanzjarju sar l-ordni tal-ġurnata.

F’dan il-każ il-qalb u l-unur qed jiġu mitfugħa fil-ġenb u tidħol il-ħtieġa li l-clubs jinvestu f’persuna biljunarja li jagħmel l-impossibbli … possibbli.

Share With: