Il-Bord tad-Diretturi tal-Air Malta b’fiduċja sħiħa fil-Kap Eżekuttiv Clifford Chetcuti

Iċ-Ċermen u l-Bord tad-Diretturi tal-Air Malta b’mod unanimu rrijaffermaw l-appoġġ u l-fiduċja tagħhom fil-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta, il-Kaptan Clifford Chetcuti. Dan wara li ħadu nota tal-kummenti fuq il-midja soċjali u kif ukoll l-aħħar stqarrija tal-ALPA li jivvittimizzaw lil Chetcuti b’mod li huma qiesu bħala inġustifikabbli.

Fi stqarrija l-Bord tad-Diretturi tal-linja tal-ajru nazzjonali qal li dawn l-attakki personali kontra uffiċjali tal-kumpanija li qed iwettqu l-policies tal-Air Malta, bl-uniku għan tagħhom ikun li jiżguraw il-vijabbiltà kontinwa tal-linja tal-ajru nazzjonali, mhumiex ittollerati u jservu biex ikomplu jnaqqsu l-fiduċja fid-diskussjonijiet ta’ bona fede mal-union ikkonċernata. 

Fl-istess waqt ġie emfasizzat li Il-miżuri kollha meħuda u l-proċessi implementati sal-lum mill-maniġment tal-Air malta kellhom l-approvazzjoni unanima tal-Bord minn qabel. 

Il-Bord irrijafferma li l-miżuri li qed jiġu implementati huma simili għal dak ta’ linji tal-ajru oħra fiċ-ċirkustanzi sabiex tkun salvagwardjata s-sostenibbiltà tal-linja tal-ajru waqt li qiegħda tippjana għas-sitwazzjoni tal-avjazzjoni globali ta’ wara l-pandemija tal-COVID. 

Share With: