Il-Brażil mistenni jkun l-epiċentru l-ġdid tal-coronavirus; U l-Presidenti jinsisti li kulma hu “sempliċi riħ”!

Il-Brażil kulma jmur jidher li se jkun l-“epiċentru” li jmiss fl-imxija tal-pandemija tal-coronavirus. Dan filwaqt li l-President tal-pajjiż, Jair Bolsonaro, qed jibqa’ jinsisti mhix xejn għajr riħ u li m’hemmx ħtieġa għar-restrizzjonijiet iebsin li ntużaw biex iwaqqfu t-tixrid tal-marda fl-Ewropa u l-Istati Uniti.

Filwaqt li wħud mill-istati Amerikani, u pajjiżi Ewropej mill-bieraħ bdew itafu b’mod gradwali r-restrizzjonijiet imposti minnhom fuq moviment u kummerċ, l-intensifikar tal-pandemija fil-Brażil – l-akbar pajjiż fl-Amerika Latina b’popolazzjoni li tlaħħaq il-211 miljun persuna – wasslet biex l-isptarijiet jilħqu l-kapaċità massima tagħhom, b’persuni jitħallew imutu fi djarhom.

Paulo Brandao, virologu fl-Univerità ta’ Sao Paulo, qal li fil-pajjiż hemm il-kundizzjonijiet kollha biex il-pandemija ssir ferm aktar agħar.

Il-Brażil uffiċjalment irrapporta 4,500 imwiet, u kważi 67,000 każ ta’ infezzjoni bil-virus. Madankollu dawn iċ-ċifri huma maħsubin li huwa ferm aktar minn hekk minħabba n-nuqqas ta’ testijiet li qegħdin isiru.

Saħansitra xjentisti qalu li mal-miljun persuna fil-Brażil jaf huma infettati bil-Covid-19. U l-kriżi taf tkompli teskala hekk kif il-pajjiż miexi lejn ix-xhur tax-xitwa.

Share With: