Il-Bundesliga mreġġa’ għas-16 ta’ Mejju

Il-Bundesliga mhux se jitkompla sa minn tal-inqas is-16 ta’ Mejju li ġej wara li d-data fuq deċiżjoni ġiet posposta għal nhar l-Erbgha li gej.

Dan minkejja li kien hemm tamiet li l-kampjonati Ġermaniżi jingħataw il-permess beix jitkomplew mid-9 ta’ Mejju li ġej, hekk kif il-Ġermanja qed tkompli bil-ġlieda tagħha kontra l-pandemija tal-coronavirus.

Clubs Ġermaniżi kienu rritornaw għat-taħriġ bit-tama li jista’ jkun li jitkompla, nhar is-Sibt 9 ta’, Mejju

Iżda dawn it-tamiet ħadu daqqa ta’ ħarta matul il-ġurnata tal-Ħamis wara li jidher li se jkun hemm iktar restrizzjonijiet marbuta mal-lockdown fil-Ġermanja hekk kif każijiet ta’ coronavirus f’dan il-pajjiż qed ikomplu telgħin.

Huwa mifhum li l-Kanċillier Ġermaniż, Angela Merkel, se tkun qed tħarrax ir-regolamentazzjonijiet fil-Ġermanja wara li inizjalment, ħwienet, skejjel u knejjes kienu ngħataw il-permess li jerġgħu jiftħu.

Ir-rata ta’ riproduzzjoni tal-coronavirus fil-Ġermanja – li turi kemm persuni fuq rata medja jiġu affettwati bil-virus – kienet telgħet għal 1.0, li tirrapreżenta l-linja diviżiva bejn tkabbir u tnaqqis.

Waqt li din ir-rata naqset għal 0.76 nhar il-Ħamis, skond ir-Robert Koch Institute – b’1,478 każ ġdid matul il-ġurnata tal-Erbgħa – iċ-chief of staff ta’ Merkel, Helge Braun, spjegat li: “Ir-restrizzjonijiet marbuta ma’ kuntatt uman ċertament li se jiġu estiżi għal wara l-10 ta’ Mejju.”

Clubs fl-ogħla żewġ diviżjonijiet fil-Ġermanja se jkunu wkoll rikjesti li jipprovdu żewġ swab tests għal kull wieħed mill-players tagħhom qabel jirritornaw fl-azzjoni – u kollox qed jindika li l-coaching staff se jkun inkluż ukoll. Dan se jkun qed ifisser total ta’ madwar 20,000 test.

Il-proċeduri ristrettivi meħuda fil-Ġermanja matul il-pandemija raw lill-pajjiż jitratta din l-imxija b’mod aħjar minn ħafna mill-pajjiżi Ewropej, iżda Merkel qalet li l-isptarijiet ikunu qed jaqilgħu daqqa ta’ ħarta jekk ir-rata f’dan il-pajjiż tkompli tikber, u li tista’ tfisser it-tieni lockdown fil-pajjiż.

Uffiċjali tal-Gvern fil-Ġermanja ltaqgħu u ddiskutew il-passi li jmiss fir-rigward tal-coronavirus u ddeċidew li għalissa jkun prematur li jirritorna l-football fil-Ġermanja.

Is-Sindku ta’ Brandenburg, Dietmar Woidke, kien appella għall-kawtela fir-ritorn tal-football, meta wieħed iqis is-sitwazzjoni ferm delikata li qed taffronta l-Ġermanja.

Fi kliemu: “Il-bandli u d-daycare centres jinsabu magħluqin u b’hekk ma narax kif il-Bundesliga għandha tirritorna.”

Il-Ġermanja qed tirraporta 160,000 infezzjoni iżda 6,000 mewta biss, liema rata hija ħafna iktar baxxa minn pajjiżi bħall-Ingilterra, l-Italja u Spanja – li kollha għandhom iktar minn 20,000 fatalitá.

Kampjonati oħra madwar l-Ewropa diġá ħabbru tmiem l-istaġun.

Iktar kmieni matul din il-ġimgħa, il-Prim Ministru Franċiż, Edouard Philippe, ħabbar li l-Ligue 1 u l-Ligue 2 kienu mitmuma, liema fatt ħasseb lil diversi gvernijiet u persuni responsabbli mill-football f’diversi pajjiżi fuq kif għandhom jipproċedu min-naħa tagħhom.

Il-president tal-UEFA Aleksander Ceferin indika d-data tal-25 ta’ Mejju bħala dik finali biex l-assoċjazzjonijiet fi ħdanha għandhom jippreżentaw pjani fuq kif se jkunu qed jipproċedu bil-kampjonati rispettivi tagħhom. Dan filwaqt li d-data tat-2 ta’ Awwissu ġiet proposta bħala dik li għandha tkun dik finali tal-istaġuni tal-football madwar l-Ewropa.

Franza ħadet id-deċiżjoni li tikkanċella avvenimenti tal-massa sa Settembru li ġej, biex saret it-tielet pajjiż li għamel dan wara l-Belġju u l-Olanda.

Share With: