Il-clubs, il-players u s-salarji

Hekk kif clubs madwar l-Ewropa qed jaraw kif jagħmlu biex inaqqsu s-salar­ji tal-players tagħhom, hemm xi ħaġa li tidher ċara daqs il-kristall. Kull club, sinjur jew modest qed jintlaqat b’mod dirett mill-kriżi li qed tħalli l-pandemija tal-coronavirus.

Bħalissa l-clubs kollha fid-dinja qed jaraw kif jagħmlu biex jiffrankaw l-ispejjeż minħabba li diversi sponsors u kumpaniji li kienu qed jgħinuhom ukoll qed jesperjenzaw telf kbir.

U b’xi mod dawn xorta jridu jaraw kif se jħallsu lill-ħaddiema tagħ­hom sa­kemm ma jkunux huma stess li jċedu parti mis-salarju “sinjur” tagħhom.

Sadanittant, diversi clubs qed jippruvaw joħolqu xi tip ta’ kompromess mal-players tagħhom u qed jistennew li r-rieda t-tajba tirrenja bejn dawk kollha involuti.

Apparti l-imwiet, il-Co­vid-19 qed tħalli warajha ħerba ekonomika u għaldaqstant bosta huma dawk il-clubs, jekk mhux kollha, li qed jaraw l-objettivi tagħhom itirulhom mar-riħ, aktar u aktar jekk il-kampjonati rispettivi ma jitkomplewx.

F’dan ir-rigward tkellmet ukoll il-FIFPro, li hi l-union li tirrappreżenta lill-players madwar id-dinja li wkoll qalet li s-sitwazzjoni hi ferm prekarja u talbet lill-gvern ta’ kull pajjiż biex jagħti l-għaj­nuna kollha neċessarja lil diversi assoċjazzjonijiet.

Sadanittant, ċerti każijiet li ġraw matul din il-ġimgħa f’xi clubs Ewropej qajmu għagħa kbira fost is-segwaċi tal-football madwar id-dinja.

Każ partikolari ġara fl-Isvizzera meta disa’ players ta’ Sion, li jinkludu lill-eks di­fensuri ta’ Arsenal Alex Song u Johan Djorou, ġew imkeċċija meta rrifjutaw proposta li biha kellhom jinqatgħulhom 80% tas-salarju tagħhom.

Kien hawnhekk li dawn iż-żewġ players qed ifittxu għaj­nuna legali minħabba li skond huma l-club Svizzeru mexa ħażin magħhom u xejn ma ġew ittrattati tajjeb.

Min-naħa tagħhom, Sion iddefendew din l-azzjoni meta qalu li kulma riedu kien biss li japplikaw waħda mill-proposti li ħoloq il-gvern tal-pajjiż li sejjaħ għal tneħħija parzjali ta’ pagi minn fuq il-post tax-xogħol sakemm l-affarijiet jerġgħu lura għan- normal.

Minnufih tkellmu dawn il-players fil-kwistjoni fejn qalu li riedu jinnegozjaw il-pakkett finanzjarju flimkien aktar milli l-club jimponi dak li ried fuqhom.

L-istess sitwazzjoni ġrat fil-Kroazja fejn Dinamo Zag­reb ukoll issemmew fl-aħ­barijiet meta l-players irrifju­taw pakkett ta’ sitt xhur li fih kienu se jiġu mnaqqsa terz mis-salarju tagħhom … bit-tieni pakkett kien se jġibilhom il-paga fix-xejn.

Hawnhekk, tkellmet l-assoċjazzjoni tal-players Kroata li qalet li minkejja li dan il-club ipprova jinnegozja xi forma ta’ ftehim mal-players, ċerti deċiżjonijiet dehru xi ftit drastiċi.

Huma żammew f’konside­razzjoni n-nuqqas totali fil- bejgħ ta’ biljetti tal-istadium u d-drittijiet televiżivi li spa­rixxew fix-xejn. U kien hawn li din l-assoċjazzjoni qalet li l-players ma kinux ikkonsultati kif suppost.

Fl-istess waqt, ċerti clubs fl-Iskandinavja qalu lill-players barranin tagħhom li jekk iridu jqattgħu l-kwarantina f’pajjiżhom stess, kellhom jitnaqqsilhom 25% bis-somma tista’ tasal sa kważi 50%.

Dawn l-istess clubs sostnew li l-players iridu jirriko­noxxu li huma m’għandhomx bir mimli flus u li jekk ikomplu joħorġu minn ġewwa, il-but se jitbattal.

F’dan ir-rigward tkellem is-segretarju ġenerali tal-   FIFPro, Jonas Baer-Hoffmann, li qal li jinsab xi ftit inkwetat kif ħafna clubs madwar id-dinja qed jiddeċiedu ħabta u sabta li jnaqqsu s-salarji tal-players tagħhom mingħajr xi tip ta’ diskussjoni.

Hoffmann qal li hemm numru kbir ta’ clubs li mhux jagħmlu djalogu mal-players tagħhom u din mhux sitwaz­zjoni sabiħa.

Hu jaf li mhux faċli tmexxi club f’dawn iż-żminijiet iżda appella għas-sens komun miż-żewġ naħat. Fl-istess waqt bħala assoċjazzjoni mhux se jittolleraw l-ebda de­ċiżjoni li ma tkunx diskussa mill-players.

Is-segretarju ġenerali tal- FIFPro qal li f’każ minnhom xi clubs, li ma semmiex isimhom, iddeċidew ħabta u sabta li jnaqqsu s-salarji tal-players tagħhom biex ikunu jistgħu jirċievu biss kwart minn dak li kienu jaqilgħu sa tliet ġim­għat ilu.

Ħafna osservaturi u kritiċi tal-football qed jgħidu li dawn l-azzjonijiet minn ċerti clubs se jwasslu biex jeħilsu “bil-pulit” minn ċerti players hekk kif qed jaħsbu li l-is­taġun prattikament spiċċa u l-objettiv li jkompluh jidher wieħed ferm ottimist iżda mhux realistiku.

President ta’ club partikolari mill-ħames l-aqwa kampjonati fl-Ewropa qal li min­kejja li ilu biss ftit taż-żmien magħna, il-Covid-19 diġá biddel u qaleb id-dinja ta’ taħt fuq. Żgur mhux forsi li mhux se jkun faċli li wieħed isib sponsor b’saħħtu li jroxx il-miljuni minħabba t-telf finanzjarju li qed isofri kul­ħadd.

Dan l-istess president ħa l-ħin tiegħu biex ikellem lill-players tiegħu u jirranġaw xi forma ta’ pakkett finanzjarju li minnhom jibbenefikaw iż-żewġ partijiet.

Aġent tal-players partikolari li wkoll ma ssemmiex ismu, qal li t-tema ta’ tnaqqis fis-salarji tal-players hi sikkina taqta’ miż-żewġ naħat. Hu qal li d-djalogu f’dan l-istadju huwa ferm importanti biex kulħadd igawdi u ħadd ma jbati.

Sadanittant, diversi clubs qed jibdew isofru telf finanzjarju kbir u dan ma tantx jawgura tajjeb għall-operat tagħ­hom fil-futur.

Finalment, wieħed ta’ min jammira l-ġest li għamlu xi players u coaches ta’ xi timi­jiet partikolari fl-Ewropa me­ta ddeċidew minn jeddhom li titnaqqsilhom il-paga b’mod sostanzjali sabiex il-club li jilagħbu miegħu jkun jista’ jħallas is-salarji ta’ ħaddiema oħra li jaħdmu fl-istadiums rispettivi tagħhom.

Fil-fatt, players minn clubs bħal Leeds United, Bayern Munich, Borussia Dortmund u Borussia Moenchengladbach kollha wettqu dan il-ġest li wieħed ta’ min ifaħħru sew.

Fl-istess waqt, players bħal Lionel Messi u Luis Suarez qed jinnegozjaw xi tnaqqis mis-salarju tagħhom biex iku­nu jistgħu jgħinu biex “isalvaw” timijiet oħra fi ħdan il-club bħal dak tan-nisa u tal-handball li għandhom bżonn ħafna mill-introjtu tal-club biex jibqgħu jo­peraw.

In-numru ta’ players li ji­lagħbu f’kampjonati ewlenin Ewropej u li se jiskadilhom il-kuntratt f’Ġunju għad­hom fl-għama dwar id-destin tagħhom.

Ħafna qegħdin jitolbu li din is-sitwazzjoni bla preċedent li għaddejja minnha d-dinja tfittex tgħaddi biex kulħadd jerġa’ jgħix il-ħajja normali tiegħu mhux b’inqas il-clubs u l-players tal-football.

Share With: