Il-clubs tas-Serie A jridu jkomplu l-istaġun

L-20 club tas-Serie A Taljana qablu unanimament li għandhom jippruvaw itemmu l-istaġun 2019-20 li bħalissa jinsab wieqaf minħabba l-imxija tal-Covid-19, qalet il-Lega l-bieraħ.

Diversi clubs, li kienu jinkludu lil Sampdoria, Torino, Bologna, Brescia, Spal u Udinese, kienu opponew li jkomplu waqt li Brescia marru aktar ‘il quddiem, u qalu li jippreferu jitilfu l-logħbiet minflok ma jinżlu għal-logħob.

“L-assemblea ġenerali tas-Serie A ltaqgħet il-bieraħ fil-għodu u kkonfermat, b’vot unanimu tal-20 clubs kollha konnessi b’konferenza bil-video, l-intenzjoni li jitlesta l-istaġun tal-football 2019-2020, jekk il-gvern jippermetti li sseħħ,” qalet is-Serie A fi stqarrija.

Hija qalet li t-tkomplija tal-logħob għandu jsir “b’konformità mal-protokolli mediċi għall-protezzjoni tal-players u l-professjonisti kollha.”

Il-Federazzjoni Taljana tal-Football (FIGC) qalet li trid li l-istaġun jintemm, anke jekk tidħol il-ħarifa.

Hija tittama li t-timijiet ikunu jistgħu jibdew it-taħriġ f’Mejju għalkemm għad m’hemm l-ebda indikazzjoni ta’ meta, jew jekk, il-gvern se jippermetti li l-logħob jista’ jerġa’ jintlagħab.

Share With: