Il-Covid-19 iżid it-talbiet għall-għajnuna dwar l-abort

F’ġimgħa it-talbiet minn Malta qabżu dawk ta’ xahar; bl-ivvjaġġar ristrett in-nies qed ikunu mbeżżgħa

Minn MARIA AZZOPARDI

 Il-ġimgħa li għaddiet, l-Abortion Support Network irċieva talba għall-għajnuna minn 7 persuni ġodda minn Malta li xtaqu informazzjoni u l-ġimgħa ta’ qabel kellhom żewġ persuni li talbu għall-għajnuna. Dawn kienu kuntatti minn individwi ġodda u ma tinkludix in-nies li għamlu kuntatt qabel ma seħħ l-għeluq tal-fruntieri minħabba l-imxija tal-Covid 19.

L-Abortion Support Network estenda s-servizz tiegħu għal Malta fl-14 ta’ Frar 2019. Fl-ewwel sena f’Malta rċevew talbiet għall-għajnuna minn 82 persuna residenti f’Malta jew medja ta’ 6.8 fix-xahar. Dan ifisser li fl-aħħar ġimgħa kellhom ħafna aktar nisa minn Malta li kkuntattjawhom għall-għajnuna milli s-soltu jkollhom f’xahar.

Il-Fundatriċi ta’ Abortion Support Network, Mara Clarke qalet lil Inewsmalta li t-talbiet il-ġodda ġew minn nisa li qed ifittxu informazzjoni dwar kif jistgħu jiksbu mingħajr periklu pilloli mediċi tal-abort li jistgħu jiġu mibgħuta lilhom bil-posta. 

It-talbiet l-oħra kienu minn mara li kellha sess mhux protett u kienet imbeżża’ f’każ li tinqabad tqila u minn żewġ nisa li rċivew imejls minn wieħed mill-provdituri tal-pilloli mediċi tal-abort bil-posta fejn qal li ma setgħux jibagħtu lil Malta għall-ġimagħtejn li ġejjin. 

Clarke qalet ukoll li utent tas-servizz li suppost kienet mistennija li tivvjaġġa lejn l-Ingilterra biex tagħmel l-abort ma setgħetx tagħmel dan wara li t-titjiriet tagħha ġew ikkanċellati.

Mara Clarke, il-fundatriċi ta’ Abortion Support Network

Nisa jista’ jkunu maqbuda ġewwa ma’ sħab li jabbużaw minnhom…

“Meta tgħix f’xi post b’liġijiet ta’ abort restrittivi, tqala mhux ippjanata toħloq kriżi taħt kwalunkwe ċirkostanza. Imma issa bl-ivvjaġġar ristrett, in-nies huma verament imwerwra. Nistgħu biss nittamaw li n-nisa li qed jiffaċċjaw tqala mhux ippjanata f’dan il-ħin ikunu konxji tal-Abortion Support Network, Women Help Women jew Women on Web biex ikunu jistgħu jingħataw informazzjoni fattwali dwar kwalunkwe għażla sikura li tkun disponibbli,” qalet Clarke.

Hija żiedet tgħid li fatt li wieħed għandu bżonn jikkunsidra huwa li ħafna nisa se jkunu maqbuda ġewwa ma’ sħab li jikkontrollaw jew jabbużaw minnhom u dan ifisser li dawn ma jkunux jistgħu jagħżlu meta jagħmlu sess jew jekk jintużawx prekawzjonijiet biex il-mara ma toħroġx tqila. Clarke sostniet li dawn in-nisa se jkunu f’sitwazzjonijiet partikolarment vulnerabbli.

Hija qalet li fil-passat il-liġijiet dwar l-abort bħal dik f’Malta jfissru li, meta jiffaċċjaw tqala mhux mixtieqa jew mhux vijabbli, nisa bi flus ikollhom għażliet u nisa mingħajr flus ikollhom it-trabi. 

Clarke qalet li minħabba l-Coronavirus kull min jixtieq jagħmel abort f’Malta għandu l-istess għażliet limitati.

Aleksandar Dimitrijevic, ir-raġel tal-attivista u l-avukata Lara Dimitrijevic, qal li tfajla fl-Irlanda pruvat ittemm ħajjitha minħabba l-fatt li ma setgħetx tivvjaġġa lejn ir-Renju Unit biex tagħmel abort.

Ħafna nisa se jkunu maqbuda ġewwa ma’ partners li jikkontrollaw jew jabbużaw minnhom u dan ifisser li dawn ma jkunux jistgħu jagħżlu meta jagħmlu sess jew jekk jintużawx prekawzjonijiet biex il-mara ma toħroġx tqila

Mara Clarke

Dimitrijevic qal li minħabba li l-ivvjaġġar waqaf u l-ajruplani mhux qed itiru, nies li f’ċirkostanzi normali ma jkunux jeħtieġu l-għajnuna għall-abort, dawk li huma sinjuri, dawk li sempliċement jitilgħu fuq l-ajruplan lejn ir-Renju Unit jew l-Italja, jinsabu fl-istess sitwazzjoni bħal fqar u vulnerabbli li ġeneralment għandhom bżonn l-għajnuna.

Intant huwa żied jgħid li din mhix l-unika raġuni għala żdiedu t-talbiet għall-għajnuna biex jagħmlu abort.

Huwa qal li hemm ħafna nisa li jinsabu f’lockdown mal-persuni li jistruprawhom, bil-libertà sesswali u riproduttiva tagħhom f’idejn ħaddiehor u li l-libertà tal-moviment tagħhom u l-kapaċità li jaħarbu jew jieħdu kwalunkwe forma ta’ azzjoni hija ristretta aktar mis-soltu.

Huwa qal li fortunatament t-tfalja fl-Irlanda baqgħet ħajja u qed tingħata l-għajnuna meħtieġa iżda jispera li s-sitwazzjoni li qed ngħixu fiha ma ddumx biżżejjed biex l-ebda mara jew tfajla f’Malta ma ssib ruħha f’sitwazzjonijiet simili fejn tirrikorri għal metodi ta’ self-harm jew metodi ta’ abort li mhumiex sikuri u possibilment ikunu fatali.

Share With: