Il-Covid-19 u l-mudelli ta’ tmexxija

Analiżi Internazzjonali miktuba minn Ruben Briffa

Id-daqs tal-Coronavirus huwa ta’ wieħed fil-biljun ta’ metru, jiġifieri metru diviż b’elf miljun. Meta mqabbel ma’ viruses oħra magħrufa, id-daqs tal-Coronavirus huwa tliet darbiet akbar minn dak tal-HIV, id-doppju tal-influwenza staġjonali u nofs id-daqs ta’ dak tal-Ebola. 

Minkejja ċ-ċokon tiegħu, dan il-virus irnexxielu jittrasforma l-mod kif id-demokraziji tal-punent joperaw politikament. Minħabba f’dan il-virus, dawn il-pajjiżi ġustament għażlu li jwarrbu l-prinċipji fundamentali li fuqhom hija mibnija l-politika moderna tagħhom, jiġifieri politika li tħalli l-individwi jgħix kemm jista’ jkun fil-libertà, li tippromwovi r-rispett tal-privatezza individwali u li tnaqqas is-sehem u l-indħil tal-gvern fit-tmexxija tal-aġendi li joffru servizzi essenzjali għaċ-ċittadini.

Minħabba l-ġlieda kontra l-Coronavirus, qegħdin nassistu mhux biss għall-indħil dirett tal-gvernijiet fil-ħajja tan-nies, iżda fuq kollox għal żieda astromika fir-rwol tal-gvernijiet fl-immaniġġjar tal-ekonomiji ta’ pajjiżhom. 

Mill-ġdid kollox f’idejn l-istat

Fi kriżi bħal din li qegħdin ngħixu bħalissa, huwa mistenni li l-gvern tal-pajjiż iżid b’mod drastiku l-irwol tiegħu f’ħafna aspetti tal-ħajja tal-pajjiż. Dan minħabba li huwa biss l-istat li għandu s-saħħa li jimmobilizza n-numru kbir ta’ riżorsi, b’mod immedjat, sabiex joħloq xi forma ta’ tarka kontra dan il-virus qerriedi. 

Huwa biss l-gvern tal-pajjiż li jista’ jinforza miżuri bħal dik li jagħlaq postijiet tax-xogħol u li jagħlaq ajruporti u portijiet u għalhekk inaqqas b’mod drastiku l-kummerċ tal-pajjiż. Fuq kollox, huwa biss is-senduq tal-istat li jista’ jagħmel tajjeb għat-telfien finanzjarju enormi li mistennija jġibu magħhom miżuri bħal dawn. 

Fil-fatt, kif rajna fl-artiklu tal-ġimgha l-oħra, fil-pajjiżi tal-punent, minħabba dawn il-miżuri, il-Prodott Gross Domestiku mistenni jinżel bejn 5% u 10% kull sena. Qegħdin naraw diversi bankijiet ċentrali ta’ pajjiżi tal-punent jipprintjaw il-flus bl-iskop li l-gvernijiet jixtru diversi assi li sa ftit xhur ilu lanqas biss kienu joħolmu li jerġgħu jiħduhom taħt idejhom. 

Żgur li xi tkaxkir tas-saqajn ta’ ċertu gvernijiet, l-aktar dawk tar- Renju Unit u Franza, kien instigat mill-biża’ ta’ dawn il-pajjiżi li jattwaw politika fejn pratikament l-istat jikkontrolla kollox li tfakkar f’mudelli bbażati fuq l-ideoloġiji Komunisti u Soċjalisti puri. Meta ndunaw li ma kinux qegħdin ilaħħqu mal-firxa tal-virus, li f’anqas minn ħames xhur irnexxielu jinfirex miċ-Ċina għall-pratikkament f’kull pajjiż fid-dinja, ċertu pajjiżi, bħall-Franza, daħlu f’daqqa ħafna miżuri drastiċi, li jinkludu indħil dirett tal-gvern biex jikkontrolla l-prezzijiet u li jikkonfiska ċertu prodotti. Dan ġab għadab kbir fost iċ-ċittadini għall-gvern tagħhom, f’mument meta huwa indispensabbbli li n-nies ikollhom fiduċja sħiħa fl-awtoritajiet.

Jimxu fuq dak li għamlu pajjiżi oħra

Fattur ieħor, li żgur li wassal biex diversi gvernijiet tal-pajjiżi tal-punent damu ma ħadu ċertu deċiżjonijiet indispensabbli, fil-ġlieda kontra l-pandemija, kien dak li riedu bilfors jidħlu fil-ħajja personali tal-individwu. Is-suċċessi tal-Korea t’Isfel u ta’ Singapore kontra l-firxa tal-virus, permess ta’ miżuri li jinvadu l-privatezza tan-nies, wassal sabiex il-pajjiżi tal-punent jimplimentaw miżuri li jmorru kontra kull prinċipju tal-libertajiet tal-bniedem. 

Issa, ħafna pajjiżi fl-Ewropa qegħdin jikkunsidraw saħansitra li jimxu fuq dak li għamlu dawn iż-żewġ pajjiżi, kif ukoll kif għamlet iċ-Ċina, u jużaw it-teknoloġija biex isegwu l-movimenti ta’ ċertu gruppi ta’ nies. Kemm-il darba jiġi deċiż li tintuża din it-teknoloġija, dawn in-nies sejrin ikollhom informazzjoni personali tagħhom, bħal dik medika, esposta aktar. Permezz tat-teknologija, dawn il-pajjiżi ikunu kapaċi jsibu lill-persuni kollha li individwu potenzjalment ikun għamel kuntatt magħhom, f’ħin ta’ ftit minuti.

Miżuri temporanji?

Minħabba l-mod tassew imgħaġġel ta’ kif il-virus jiġi trażmess minn persuna għall-oħra, diversi miżuri li taw ħafna aktar saħħa lill-gvernijiet, idaħħlu mingħajr ma gew ikkonsultati diversi entitajiet importanti. Ħafna mexxejja qegħħdin iddikjaraw li din iż-żieda fl-irwol tal-istat hija waħda temporanja u sejra tkun qiegħda titneħħa kompletament malli tgħaddi din il-burraxka. 

Biss, ħafna ekonomisti u osservaturi politiċi qegħdin jibżgħu li minħabba l-iskala ta’ miżuri li qegħdin jittieħdu, li qegħdin jiġu mqabbla ma’ dawk li kienu ttieħdu waqt l-akbar kriżijiet finanzjarji li rat id-dinja u ma’ dawk li jittieħdu fi żmien li tfaqqa xi gwerra, l-istorja uriet li wara li jkun għadda kollox, l-istat ħafna drabi żamm xi poteri li kien ta lilu nnifsu waqt il-kriżi. Ta’ min jgħid, li kunċetti bħall-welfare state, it-taxxa fuq id-dħul u n-nazzjonalizzazzjoni kollha oriġinaw waqt xi kriżi kbira u baqgħu hemm wara li din tkun għaddiet.

Naturalment, mhux il-miżuri kollha li ddaħħlu waqt din il-pandemija għandhom jitneħħew. Pereżempju, pajjiżi bħall-Istati Uniti għandhom jitgħallmu minn dak li qiegħed jiġri u jagħmlu riformi kbar fis-servizzi tas-saħħa, kif ukoll rigward il-bżonn tad-dritt tas-sick leave għall-ħaddiema. Ċertu modi ta’ kif wieħed jaħdem, bħat-teleworking, għandhom jinżammu biex jitnaqqas il-bżonn tal-ivvjaggar. 

It-tneħħija ta’ ċertu miżuri, li mhumiex neċessarjament sejrin ikunu qegħdin iħallu ġid malli tgħaddi l-pandemija, żgur mhijiex sejra tkun faċli. Fil-fatt, fir-Renju Unit diġa’ hemm tħassib rigward kemm il-gvern sejjer ikun qiegħed iċedi minn taħt idejh l-operat tas-servizz tal-ferroviji, li għadu kemm ħa f’idejh, biex ikun jista’ jimmaniġġja aħjar din il-kriżi.

Nuqqas ta’ fiduċja

Effett ieħor li mistennija tħalli l-kriżi tal-Covid-19 huwa li minħabba fih, ħafna pajjiżi jibdew jiżgħu jesportaw prodotti essenzjali lejn pajjiżi oħra u jippreferu jsiru indipendenti rigward il-bżonnijiet bażiċi. Diġa’ bdejna naraw pajjiżi bħar-Russja jikkunsidraw li jnaqqsu l-esportazzjoni tal-qamħ biex iżidu l-ħażna tagħhom. 

Mhux ta b’xejn li ħafna ekonomisti qegħdin jibżgħu li l-mod kif il-pajjiżi kienu qegħdin jixtru l-bżonnijiet tagħhom, dik li tissejjaħ bħala s-supply-chain sejjer jinbidel minn dak preżenti, fejn il-pajjiżi jixtru minn fejn jaqblilhom rigward prezzijiet, għal wieħed fejn il-pajjiż ikollu s-serhan il-moħħ li ma jiddependix fuq pajjiżi oħra. Naturalment, bidla bħal din twassal għal żieda qawwija fil-prezzijiet tal-prodotti essenzjali.

Wieħed jittama li l-gvernijiet jifhmu li gvern ta’ żmien pandemija mhuwiex wieħed addatt għal kull żmien. Jekk dawn ma jifhmux din id-differenza huwa mistenni li ż-żmien ta’ tranżizzjoni għan-normalità, wara li jgħaddi kollox, ikun ferm itwal minħabba li jkun hemm ħafna protesti miċ-ċittadini biex jiksbu lura dak li kien tagħhom qabel ma ġie l-virus.

Share With: