“Il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin għandha tkun mudell ta’ dixxiplina għal istituzzjonijiet oħra” – Il-PM Robert Abela

Fi żjara fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, il-Prim Ministru Robert Abela rringrazzja lill-uffiċjali korrettivi li ħallew lill-familji tagħhom sabiex joffru ħidmiethom fi ħdan il-faċilità bil-għan li jikkontrollaw l-imxija tal-Covid-19 fl-istess istituzzjoni.

 
Il-Prim Ministru wera l-gratitudni tiegħu lejn it-tmexxija tal-Faċilità u rringrazzja lill-ħaddiema għall-atmosfera pożittiva li teżisti bejniethom, kif ukoll mar-residenti. Dr Abela qal li hija din is-sinerġija li toħloq ambjent trankwill bejn l-uffiċjali u r-residenti f’din il-faċilità korrettiva.

 
Id-Direttur Ġenerali tal-Faċilità Korretiva ta’ Kordin laqa’ l-kummenti pożittivi tal-Prim Ministru u saħaq li l-Faċilità għandha tkun ta’ mudell għal istituzzjonijiet oħra, abbażi ta’ tmexxija u ta’ dixxiplina.

 
Waqt iż-żjara, il-Prim Ministru tkellem ma’ diversi uffiċjali korrettivi li jaħdmu f’aspetti differenti u wera l-apprezzament tiegħu għad-dedikazzjoni li joffru dawn il-ħaddiema. Iltaqa’ wkoll ma’ priġuniera.

Il-Prim Ministru għadda kelma ta’ kuraġġ u tama lir-residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

 
Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri fejn fisser kif il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin offriet waħda mill-ikbar sfidi fit-tħejjijiet għall-perjodu tal-COVID-19. Fost oħrajn il-ħaddiema huma fost l-iktar li qegħdin jagħmlu sagrifiċċji fejn biddlu wkoll ir-rutina tagħhom, bir-rekluti l-ġodda jibdew l-esperjenza tagħhom f’realtà ġdida.

 
“Nammira l-impenn tagħkom biex tħarsu s-sigurtà tal-poplu tagħna. Nappellalkom biex tibqgħu tagħmlu dan b’lealtà u bi professjonalità bħalma dejjem għamiltu,” temm jgħid il-Ministru Camilleri.

Share With: