Il-Faroe Islands… wieħed mill-ewwel pajjiżi tal-Punent li kkontrollaw il-Coronavirus

Minn MELVIN FARRUGIA

Il-Ministru tas-Saħħa tal-Faroe Islands, Kaj Leo Holm Johannesen qal li dawn il-gżejjer għandhom ħafna x’jiċċelebraw, minkejja li l-kriżi għadha ma għaddietx. 

Hu sostna li bħala gżejjer kienu fost l-ewwel pajjiżi tal-Punent li kkontrollaw il-Coronavirus, li ma tidhirx li qiegħda tinfirex f’dan il-pajjiż. Qal li qed jaraw gvernijiet oħra jħarsu lejhom affaxxinati u b’rispett, peress li l-affarijiet sejrin tajjeb. Filwaqt li saħaq li għandhom għalxiex jiċċelebraw, fl-istess waqt iridu jibqgħu attenti. 

Il-Faroe Islands għad għandhom 185 każ pożittiv. Fl-aħħar ħmistax, huma kellhom biss żewġ każi ġodda u l-aħħar każ li ħareġ fit-18 ta’ April kien ta’ persuna li waslet fil-pajjiż diġà infettata. Għalhekk jidher li ma kienx hemm aktar każi ta’ trażmissjoni lokali fl-aħħar ġimgħatejn.

Barra minn hekk, fiequ 178 persuna u allura fadal biss seba’ każi attivi. 

Share With: