Il-FIFA taħt il-mikroskopju wara li tgħaddi l-Covid-19

Kulħadd jiftakar l-episodju ta’ 12-il-sena ilu meta l-Federazzjoni tal-Football fis-Samoa ġiet investigata mill-FIFA minħabba problemi finanzjarji kbar li bdew iseħħu.

Dak in-nhar il-Kumitat tan-Normalizzazzjoni tal-FIFA mar jinvestiga l-każ fejn membri mill-ogħla awtoritajiet kienu jinkludu lil Sepp Blatter, Jack Warner, Issa Hayatou, Michel Platini, Reynald Temarii, Mohammad bin Hammam u Nicolás Leoz, li marru f’dan il-pajjiż li jinsab fil-kontinent tal-Oċeanja.

L-ironija f’din l-investigazzjoni kienet waħda kbira minħabba li ftit tas-snin wara kellhom ikunu dawn l-istess delegati li ġew akkużati b’episodji ta’ korruzzjoni tant li kellhom jirrizenjaw mill-karigi rispettivi tagħhom u mressqa l-qorti.

Din l-anomalija ġegħlet lill-Federazzjoni tas-Samoa biex tappella mis-sentenza mogħtija tant li marret fil-Qorti tal-Arbitraġġ tal-Isport (CAS) għalkemm ma rnexxielhiex iġġibha żewġ.

Minn hemm beda l-monopolju tal-FIFA li skond ħafna osservaturi tal-football modern għal snin twal għamlu li riedu u dak it-tajjeb li tant bdew jippriedkaw, ma bediex jiġi mwettaq … anzi kollox sar bil-kontra. Eżem­pju ta’ dan kollu kienu l-għażliet tar-Russja u l-Qatar biex jorganizzaw it-Tazza tad-Dinja b’allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni li għadhom jidwu sal-ġurnata tal-lum.

Minn dak iż-żmien ‘il hawn l-uċuh inbidlu u issa hemm Gianni Infantino bħala l-mexxej tal-ikbar Fede­razzjoni sportivi fid-dinja.

Huwa wkoll qed jaffaċċja test ieħor fuq allegazzjoni ta’ problemi finanzjarji ta’ assoċjazzjoni oħra din id-darba fil-Karibew.

Fil-fatt l-Assoċjazzjoni ta’ Trindidad & Tobago qed issirilha żjara mill-istess Kumitat tan-Normalizzazzjoni tal- FIFA wara allegazzjoni li għandha dejn kbir fil-kontijiet tagħha.

Dawn tal-aħħar irribattew dawn l-allegazzjonijiet u marru wkoll għand il-CAS biex jirrappurtaw l-imġieba aggressiva li kellhom uħud mill-uffiċjali tal-FIFA fil-konfront tagħhom.

Ħafna kienu tal-fehma li dan l-atteġġament ma kienx floku speċjalment meta dan il-kumitat ilu ffurmat biss erba’ xhur b’David John-Williams, li huwa l-favorit ta’ Infantino, maħtur bħala chairman.

Hawnhekk pront taw il-verżjoni tagħhom il-membri tal-Assoċjazzjoni ta’ Trinidad & Tobago li qalu l-FIFA qed iġġib ruħha ħażin magħ-hom bl-ex goalkeeper ta’ Newcastle, West Ham u Portsmouth, Shaka Hislop, jgħid li l-federazzjoni mondjali trid tkissirhom moralment.

Il-kritiċi tal-football internazzjonali komplew qalu li l-imġieba tal-FIFA xejn m’hi eżemplari meta qed tagħmel l-arja ma’ assoċjazzjonijiet ferm żgħar u li ftit jistgħu jsemmgħu leħinhom. Huma qalu li għalkemm inbidel il-mexxej tal-ogħla istituz­zjoni sportiva fid-dinja, xorta għad fadal ċerta arroganza.

Is-sit elettroniku Norveġiż, Josimar, ikkonferma dan meta ħabib kbir ieħor ta’ Infantino, jiġifieri Veron Mosengo-Omba, qed imexxi dan il-Kumitat tan-Norma­lizzazzjoni.

Fl-istess waqt kien hemm opinjoni mħallta fuq il- pożizzjoni tal-FIFA f’dan il-perjodu inċert fid-dinja fejn il-pandemija tal-coronavirus ġabet għarkupptejha lid-dinja sportiva.

Ħafna qed jgħidu li din il-federazzjoni mondjali tin­sab wisq rilassata min­kejja li ħafna qed jesperjenzaw telf finanzjarju kbir speċjalment fejn għandu x’jaqsam drittijiet televiżivi. Anke l-clubs madwar id-dinja huma inċerti x’se jiġri eżatt u qed jistennew xi direttiva min-naħa tal-FIFA sabiex ikunu jafu x’se tkun it-triq ‘il quddiem.

U kien hawn fejn osservatur partikolari ssuġġerixxa lill-FIFA biex tiftaħ il-kont tagħha li ma jispiċċa qatt u li jinkludi fond ta’ €2 biljun u tgħin mill-aħjar li tista’ lill-assoċjazzjonijiet tal-pajjiżi kollha sabiex finalment tkun qed tagħti l-kontribut tagħha f’dan ir-rigward.

Huwa qal li l-FIFA xi kultant tħossha superjuri u tistenna li diversi assoċjazzjonijiet joqogħdu għar­kup­ptejhom u jistennew bil-ħnie­na l-manna nieżla mis-sema.

Hu kompla jgħid li matul is-snin, din l-assoċjazzjoni saret sinjura minn fuq kulħadd u sfida lill-uffiċjali tagħha biex juri li verament inbidlu u jagħtu eżempju billi jċedu xi ħaġa mis-salarji tagħhom u jħalluhom lil min verament għandu bżonn.

Dan l-osservatur akkuża lill-FIFA li minkejja li spiċċat l-era ta’ Michel Platini, Sepp Blatter u Jack Warner, xorta waħda donnhom ma ħadux tagħlima … bil-flus baqgħu l-aktar ħaġa importanti li baqgħu deħlin fil-kont tagħ­hom minkejja kollox.

B’hekk anke taħt Gianni Infantino, il-FIFA jinteressaha biss li żżomm il-poter u tibqa’ fil-qawwa kollha tagħha fejn il-kbarat ikom-plu jirrenjaw u dawk meqjusa żgħar jibqgħu jitkasbru.

Wieħed jista’ jsemmi eżempju klassiku b’dak li ġara ftit tal-ġimgħat ilu meta l-president ta’ Real Madrid, Florentino Perez, ippreżenta pjan ambizzjuż u li jrendi ħafna flus.

Dan tal-aħħar ġie maħtur bħala l-president tal-World Club Football Associaiton, li wara laqgħa li kellhom fil-kwartieri ġenerali tal- FIFA fi Zurich, ġie deċiż li l-FIFA Club World Cup tas-sena d-dieħla tkun qed tiġġenera ħafna flus u kollox ikun ibbażat sabiex tattira aktar spettaturi li min-naħa tagħhom jaraw l-aqwa timi­jiet tad-dinja fl-azzjoni. Dan kollu għandu l-għan li ma jagħtix ċans clubs żgħar jipparteċipaw minkejja li jkol­lhom il-mertu kollu possibbli.

Dan kollu qed isir bil-barka ta’ Infantino li skond dan il-kritiku partikolari se jkom­pli jħaxxen butu u but l-assoċjazzjoni li jmexxi.

Finalment il-Covid-19 kixfet ħafna dnubiet li ilhom mistura għal ħafna snin li l-football sar biss flus u xejn iktar. Huwa tal-opinjoni li ħadd m’hu jagħmel xejn biex jirranġa l-affarijiet bil-FIFA li bħal donnha qed tibqa’ passiva quddiem il-problemi li qed jiffaċċjaw diversi clubs u assoċjazzjonijiet li spiċċaw bla flus wara din il-waqfa sfurzata fuqhom.

Il-mistoqsijiet li jiġu fuq fomm kulħadd huma ħafna. X’se jiġri meta kollox jirritorna għan-normal? U x’tip ta’ normalitá se jkollna? Il-FIFA kif se tirrispondi u tgħin biex dan kollu jista’ jseħħ? Se tibqa’ tirreżisti u m’hu se toffri l-ebda għajnuna finanzjarja? Jew se tħalli bwiethom ikompli jeħxien aktar?

Dawn il-mistoqsijiet jiġu mwieġba fix-xhur li ġejjin meta wieħed jieħu idea ċara tal-konsegwenzi li se joħorġu mill-Covid-19 li fiha ħafna qegħdin ibatu.

Share With: