Il-FIFPro taqbel li l-kampjonati għandhom jitlestew
L-unjoni globali tal-players, FIFPro, qalet li t-tlestija tal-istaġun kurrenti għandha tkun il-prijorità meta l-football finalment ikun jista’ jerġa’ jibda wara t-tfaqqigħ tal- coronavirus.
L-isport jinsab wieqaf madwar id-dinja kollha, bil-kampjonati domestiċi jitwaqqfu u t-tournaments tal-Euro 2020 u tal-Copa America mbuttati lura għas-sena d-dieħla, u għadu mhux ċar meta l-logħba se terġa’ tibda.
Is-segretarju ġenerali tal-FIFPro, Jonas Baer-Hoffmann, qal li n-nuqqas li jintemm l-istaġun kurrenti m’hijiex l-għażla bħalissa.
“Kulħadd fil-football jitlef jekk jiġri hekk,” huwa qal lill-ġurnalisti waqt konferenza bit-telefon. “Fil-mument ma naħsibx li hija responsabbiltá li tagħmel din il-konsiderazzjoni.
“Jekk ikollna xi ċans li ntemmu l-istaġun, irridu nagħmlu hekk għax l-impatt għall- players u għal kull persuna oħra fil-logħba se jkun kbir ħafna jekk ma nagħmlux dan.”
Kien hemm xi suġġerimenti li l-istaġun kurrenti jista’ jiġi estiż sa Awwissu jew Settembru, bil-kampjonat sussegwenti jibda aktar tard. Madankollu, xi clubs indikaw li l-istaġun kurrenti għandu jiġi mwaqqaf.
Iżda Baer-Hoffmann sostna li kien hemm ukoll każijiet ta’ clubs li wżaw il-kriżi bħala skuża biex itemmu l-kuntratti kmieni, ikeċċu l-players jew jiddikjaraw falliment sempliċement bħala strument biex ma jħallsux il-kontijiet u l-pagi.