“Il-firda kerha wisq… li ma tistax tgħannaq lil min tħobb u ma tafx meta se tarahom”

Minn MELVIN FARRUGIA

It-tixrid tal-Coronavirus qed jaffettwa lil kulħadd, filwaqt li biddel il-mod kif ngħixu, naħdmu u anke nġibu ruħna. Iżda l-akbar piż intefa’ fuq it-tobba u l-infermieri li qed jiġu f’kuntatt dirett mal-virus u jkunu huma t-tarka li tipproteġina.

Dwar dan tkellimna ma’ Nicole Magri, infermiera tal-Emerġenza li flimkien ma’ sħabha tellgħet ritratt fuq il-midja soċjali li jagħti ħafna x’tifhem minn xiex inhuma għaddejjin.

F’kummenti ma’ inewsmalta, Nicole spjegatilna li f’dan ir-ritratt tidher hi ma’ sħabha wara li temmew ix-xift ta’ billejl. Qalet li matul dan ix-xift huma ħadu ħsieb kull pazjent li daħal mill-bieb tal-Emerġenza, irrilevanti dan x’kellu.

Spjegat li qed ikun sagrifiċċju kbir għalihom li jqattgħu 12-il siegħa u nofs lebsin it-tagħmir protettiv, fejn il-maskli jimmarkawlhom wiċċhom u l-visors iweġġgħulhom moħħhom. Barra hekk, qed jgħixu sitwazzjoni fejn żdied anke l-ammont ta’ stress fl-Emerġenza.

Filwaqt li spjegat li fl-Emerġenza dejjem ikun hemm l-istress, peress li d-dipartiment jinqasam fi tnejn; dak li hu “in hospital” fejn jieħdu ħsieb il-pazjenti fl-Emerġenza u l-“Pre hospital” meta joħorġu fl-ambulanzi, Nicole stqarret li l-istress issa żdied, għax iridu jagħmlu filtering ta’ kull min jidħol fl-Emerġenza u jaqsmu l-każi fi tnejn; dawk li jaf għandhom il-COVID-19 u dawk li m’għandhomx.

Barra minn hekk, semmiet li huma bħala frontliners kellhom jitilqu lill-familji tagħhom, lill-ġenituri, lit-tfal u lill-irġiel u n-nisa tagħhom u sfortunatament ma jafux meta se jerġgħu jarawhom.

Nicole qalet li wħud minnhom marru joqogħdu fir-residenza tal-Università, filwaqt li oħrajn qegħdin jgħixu f’appartamenti li kienu jużawhom għall-villeġġatura. Tgħid li wara li jlestu mix-xogħol jagħmlu video calls mal-familji tagħhom, biex kemm huma u anke l-qraba tagħhom jaraw li jinsabu f’saħħithom. Tispjega li l-familji tagħhom jinkwetaw ħafna fuqhom u huma qed iħossu ħafna l-firda minnhom. Nicole tgħid li qishom qegħdin jgħixu f’ħabs fejn ma jistgħux imqar jgħannqu lil dawk li tant iħobbu.

Mistoqsija dwar jekk iltaqgħetx ma’ pazjenti li kellhom il-COVID-19, Nicole qalet li ltaqgħet ma’ bosta minnhom. Filwaqt li stqarret li jkollhom xi ftit tal-biża’, min-naħa l-oħra spjegat li huma jistmaw lill-pazjenti kollha l-istess u għalhekk jagħtuhom l-aqwa kura u sapport. Tgħid li meta daħlet għal dan ix-xogħol hi kienet taf għal xiex dieħla u allura dan ix-xogħol tagħmlu b’imħabba kbira lejn il-pazjenti. Tispjega wkoll li bħala staff jieħdu ħafna ħsieb xulxin waqt ix-xogħol u jagħtu s-sapport kollu lil xulxin. Tisħaq li kulħadd jinsab unit flimkien biex flimkien nerbħu fuq il-COVID-19.

Share With: