Il-Gvern se jirranġa 46 blokka f’housing estates

Matul din is-sena l-Gvern se jirranġa 46 blokka f’numru ta’ ‘housing estates’ li jinsabu f’seba’ lokalitajiet madwar Malta.

Il-‘housing estates’ jinsabu fis-Siġġiewi, Bormla, ir-Rabat, Santa Luċija, iż-Żejtun, San Ġiljan u Ħal Qormi bin-nefqa se tkun ta’ €2.6 miljun.

Kien il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes li ħabbar dan ħdejn waħda mill-‘housing estates’ li hemm fis-Siġġiewi.

Huwa semma kif ħafna minn dawn il-‘housing estates’ ilhom li nbnew madwar 50 sena u kienu ilhom is-snin ma jiġu rranġati.

Galdes spjega kif dan il-Gvern diġa rranġa 77 blokka fin-Naxxar, Ħal Qormi, Ħaż-Żabbar, il-Kalkara, Bormla u ż-Żejtun.

Ix-xogħol sar bi spiża ta’ €4 miljun permezz tal-Awtorita tad-Djar u l-kumpanija tal-Gvern HME.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorita tad-Djar Leonid McKay saħaq li x-xogħol ta’ manutenzjoni fuq bini eżistenti huwa importanti daqs dak ġdid.

Huwa spjega kif taħt l-Awtorita tad-Djar jaqgħu madwar 1,100 blokka u jkollhom medja ta’ 200 talba fix-xahar għal xogħol ta’ tiswijiet.

McKay semma kif ix-xogħlijiet li jagħmlu jvarjaw minn dawk żgħar għal uħud li jkun hemm bżonn joħorġu n-nies biex jinibdlu soqfa, elettriku u drenaġġ.

Share With: