Il-Gvern se jkun qed iġedded l-għajnuna lin-negozji b’xahrejn oħra

Il-Gvern se jkun qed iġedded l-għajnuna lin-negozji impattati mill-pandemija tal-Covid-19 b’xahrejn. Qal dan il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri.

F’konferenza tal-aħbarijiet Schembri qal li l-iskema ta’ għajnuna għal ħlas ta’ pagi oriġinarjament inħarġet biex tkopri x-xhur ta’ Marzu u April. Madankollu din issa ġiet estiża għal Mejju u Ġunju.

Id-19,000 negozju li diġà applikaw għal din l-iskema m’għandhomx għalxiex jerġgħu japplikaw mill-ġdid.

Il-Ministru Schembri żied jgħid li l-Gvern kien prepara pjan biex b’mod gradwali jittaffew ir-restrizzjonijiet fuq in-negozji liema miżuri għandhom l-għan li jikkontjenu l-pandemija tal-Covid-19.

Huwa spjega li dawn ir-restrizzjonijiet mhux se jkunu qed jitneħħew f’daqqa, iżda b’mod gradwali biex l-awtoritajiet ikunu jistgħu josservaw l-impatt li t-tneħħija tagħhom taf tħalli fuq saħħet in-nies.

Negozji li se jkunu qed jitħallew jiftħu mill-ġdid xorta se jkunu jibqgħu jirċievi l-għajnuna tal-Gvern. Dan minħabba li kif qal il-Ministru, id-dħul u l-profittabbiltà tan-negozji mhux se jkun qed jirritorna għal-livelli li ppreċedew il-pandemija tal-Covid-19.

Share With: