Il-GWU tiċħad li se jitkeċċew mat-300 ħaddiem tal-Methode … tiċħad ukoll li hemm xi problemi fl-ST Microelectronics

Il-General Workers’ Union ċaħdet kategorikament dak allegat minn sezzjoni partikolari tal-istampa li fl-aħħar jiem saru xi diskussjonijiet mal-Methode Electronics biex jiġu ssensjati 300 ħaddiem kif allegat. “Dan it-tip ta’ rappurtaġġ mimli sensazzjoni f’mument daqshekk sensittiv għall-pajjiż jikkawża biss problemi akbar għall-ħaddiema msemmija,” sostniet il-GWU. 

Fl-istess waqt, il-GWU ċaħdet ukoll kategorikament li hemm xi problemi fl-ST Microelectronics u ddikjarat li fl-ebda ħin ma saru diskussjonijiet bejn iż-żewġ partijiet fuq tnaqqis ta’ sigħat tax-xogħol. “Kontra ta’ dak li xxandar, il-kumpanija bħalissa tinsab fuq ħidma biex tlaħħaq mad-domanda tax-xogħol li għandha,” qalet il-GWU.

Intant, il-Union żiedet tgħid li bħalissa tinsab għaddejja b’ħidma ma taqta’ xejn biex tissalvagwardja lill-membri kollha tagħha fiċ-ċirkostanzi diffiċli li għandna quddiemna. Finalment talbet lill-mezzi kollha tax-xandir li qabel jiġu rappurtati ċertu stejjer, ikun ħafna aħjar li jivverifikaw il-fatti u mhux jallarmaw iktar lill-ħaddiema bla bżonn. Dan jista’ jwassal għall-konsegwenzi serji fuq il-membri tagħha.

Share With: