Il-GWU tifraħ lil Dr Gordon Cordina għan-nomina tiegħu bħala Chairman tal-BOV

It-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi fi ħdan il-General Workers Union ferħet lil Dr Gordon Cordina għan-nomina tiegħu bħala Chairman tal-Bank of Valletta u awguratlu li jkompli r-relazzjonijiet tajba li l-Union għandha mal-Bank.  

It-Taqsima ħadet l-opportunità wkoll biex ppublikament trodd ħajr lis-Sur Taddeo Scerri li se jtemm il-ħatra tiegħu f’Mejju li ġej, għall-kontribut tiegħu li sewa għas-suċċess tal-Bank kif ukoll għall-koperazzjoni li dejjem wera mal-Union biex b’hekk il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tjiebu ferm waqt it-tmexxija tiegħu.

Dr Gordon Cordina hu fost l-ekonomisti ewlenin fil-gżejjer Maltin b’esperjenza professjonali mifruxa fuq 25 sena fil-qasam bankarju, tfassil ta’ politika, akkademja u konsulenza fis-settur privat. Hu ggradwa mill-Università ta’ Cambridge u mill-Università ta’ Malta. L-oqsma ewlenin tiegħu ta’ interess akkademiku huma t-tkabbir u d-dinamika ta’ ekonomiji makro li qed jaffaċċjaw ekonomiji li huma suġġettibbli għal riskji kbar.

Dr Cordina għandu snin ta’ esperjenza fil-Kumitat tal-Bord u Riskju f’istituzzjonijiet finanzjarji ewlenin f’Malta. Serva bħala maniġer tad-Dipartiment tar-Riċerka fi ħdan il-Bank Ċentrali ta’ Malta, Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ta’ Malta, Kap tad-Dipartiment tal-Ekonomija fi ħdan l-Università ta’ Malta u konsulent ekonomiku għall-Kunsill Malti għall-Ekonomija u Żvilupp Soċjali.

Permezz ta’ kumpanija privata dwar konsulenza li waqqaf fl-2006, Dr Cordina hu involut f’numru ta’ proġetti ta’ riċerka lokali u internazzjonali u ta’ assessjar ta’ konsulenza ma’ istituzzjoni inklużi l-Kummissjoni Ewropea, ministeri tal-gvern u awtoritajiet, NGOs u entitajiet fi ħdan is-settur privat. Dr Gordon Cordina hu wkoll lettur fi ħdan l-Università ta’ Malta.

Share With: