Il-GWU titlob biex l-impjegati fil-Caring Stream jirċievu l-arretrati kollha dovuti

Is-Segretarju tat-Taqsima: L-impjegati m’għandhomx iġarrbu penali minħabba dewmien fl-implimentazzjoni tal-ftehim

Il-General Workers’ Union (GWU) dejjem saħqet dwar l-importanza tal-ħaddiema kollha fil-Caring Stream. Is-Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin qal li għaldaqstant l-Union temmen bis-sħiħ illi l-ftehim preżenti għandu jiġi rrispettat anke fejn jidħlu sahra u allowances.

Il-GWU tinnota li minkejja l-ftehim ġie ffirmat fl-2018, l-impjegati li jappartjenu għal dan il-ftehim settorjali għadhom qed jistennew li dan jiġi implimentat bis-sħiħ. Il-General Workers’ Union hija infurmata li l-Ministeru għas-Saħħa se jibda jħallas l-arretrati dovuti lill-impjegati fir-rigward tas-salarju bażiku tagħhom biss. 

Il-GWU żiedet tgħid li barra minn hekk, wieħed għandu jinnota li l-ftehim ħa proċess twil għall-implimentazzjoni tiegħu. Minkejja dan, is-Segretarju tat-Taqsima Bondin saħaq li l-imsemmija impjegati m’għandhomx iġarrbu tnaqqis jew penali minħabba li l-implimentazzjoni tal-ftehim ħadet fit-tul. Il-GWU titlob li l-impjegati msemmija jirċievu l-arretrati kollha dovuti inklużi s-sahra u l-allowances skont ir-rati stabbiliti fil-gradi tagħhom fid-data effettiva tal-ftehim. Bondin sostna li l-ħaddiem baqa’ jgħaqqdi dmirijietu u jobdi l-ftehim, b’hekk għandu jgawdi wkoll minn kull dritt dovut lejh.

Share With: