Il-ħames stadji ta’ ‘grief’

Minn Dr GEORGIANA BONNICI, BSc (Hons) Rad; M.D.

Hekk kif normalment nafuh, il-proċess ta’ ‘grief’ jibda jseħħ meta wieħed jitlef lil xi ħadd li kien verament għażiż għalih; bħal ngħidu aħna membri tal-familja, jew ħbieb tal-qalb. Iżda mhux biss. Il-sensazzjoni ta’ ‘grief’ tista’ tkun preżenti wkoll meta aħna niġu mċaħħdin milli nagħmlu ċerti affarijiet li konna nqisuhom bħala vitali biex ngħixu b’mod san, fil-ħajja tagħna ta’ kuljum; bħal per eżempju, billi f’din il-pandemija nieqfu nissojalizzaw ma’ ħbieb jew membri tal-familja.

Sfortunatament, din it-telfa ġġib trasformazzjoni kbira fuq kif nibdew nħarsu lejn il-ħajja, jew inkella kif naġixxu man-nies ta’ madwarna. Għaldaqstant, huwa importanti li wieħed jindirizza b’mod effettiv id-dieqa li ġġib magħha l-‘grief’, biex b’hekk ikun jista’ jkompli jgħix ħajja sana, bl-inqas ammont ta’ disturbi fiżiċi, soċjali jew emozzjonali.

Dan il-proċess huwa meqjus bħala wieħed naturali, peress li hu mistenni minn kull min jkun garrab il-telfa ta’ persuni qrib tiegħu, jew in-nuqqas ta’ attivitajiet vitali għalih.

Il-mod ta’ kif wieħed jirreaġixxi għat-telfa, ġeneralment jvarja minn persuna għall-oħra; minħabba li jiddependi wkoll fuq fatturi personali, bħall-karattru, livell ta’ support, u kif wkoll il-fidi. Però, ħaġa waħda tibqa’ komuni bejn kulħadd; dan il-proċess jieħu ż-żmien biex jgħaddi, u għalhekk, m’huwiex ideali li wieħed jiġi mgħaġġel sabiex jirkupra minnufih. Ċerti nies jibdew iħossuhom aħjar wara ftit ġranet, iżda oħrajn jibdew jaċċettaw li jkomplu b’ħajjithom, wara diversi ġimgħat.

Għaldaqstant, huwa importanti li ngħinu u nieħdu paċenzja b’xulxin. Hemm diversi emozzjonijiet relatati ma’ dan il-proċess. Il-psikjatra Elizabeth Kubler Ross, introduċiet il-ħames stadji tal-‘grief’, li primarjament huma l-fażijiet ta’ nnegar, rabja, dieqa, u fl-aħħar mill-aħħar, l-aċċettar tas-sitwazzjoni kerha.

Wieħed jista’ jgħaddi minn diversi fażijiet, pero’ mhux neċessarjament fl-istess ordni imsemmijha hawnhekk.

Ċerti nies jibdew iħossuhom aħjar wara ftit ġranet iżda oħrajn jibdew jaċċettaw li jkomplu b’ħajjthom wara diversi ġimgħat. Huwa importanti li ngħinu u nieħdu paċenzja b’xulxin.

Personalment, inħobb nqabbel il-proċess tal-‘grief’ ma’ vjaġġ fuq ‘rollercoaster’; kollu tlajjiet u nżul, fejn xi minn daqqiet tħossok produttiv, iżda f’mumenti oħrajn tħossok iktar imdejjaq mis-soltu. Fortunatment, din il-mixja, tibda ssir aħjar iktar ma jgħaddi ż-żmien mit-telfa li tkun ġarrabt.

Meta wieħed ikun għadu kif ġarrab in-nuqqas ta’ xi ħadd għażiż, ħafna drabi lanqas ikun jaf x’laqtu, jew inkella idum biex jirrealizza x’ġara, sforz ix-xokk qawwi li jkun jinsab fih. Xi kultant nibdew ninnegaw li l-persuna għażiża tkun il-bogħod minnha, u nkunu nixtiequ li nerġgħu nagħmlu kuntatt magħha, minkejja li dan hu impossibbli.

Nistgħu wkoll inħossuna rrabjati, li ma kellnix ċans nagħmlu xi attivitajiet. Oħrajn iħossuhom imdejqin għax iħossuhom waħedhom. Dan jista’ iwassal wkoll biex wieħed ikun iktar anzjuż dwar saħħtu jew il-futur tiegħu, jew insikur fuq ċerti responsabbilitajiet ġodda li feġġew f’ħakka t’għajn.

Minbarra perjodi ta’ instabbilità emozzjonali, l-proċess tal-‘grief’ jista’ jġib ukoll diversi sintomi fiżiċi assoċjati mal-istress, bħall-uġieħ ta’ ras, għejja, nuqqas’ ta’ rqad san, immunità baxxa, żbilanc fl-aptit, b’riżultat ta’ telf jew żieda fil-piż, jew disturbi oħrajn fis-sistemi kardjo-vaskulari u gastro-intestinali, bħall-dijarea, qtugħ ta’ nifs, jew taħbit irregolari tal-qalb.

L-ewwel pass sabiex wieħed jiġġieled il-proċess tal-‘grief’, huwa li jaċċetta s-sitwazzjoni li jkun fiha, u jilqa’ kull tip ta’ support offrut minn nies ta’ madwaru. Huwa vitali wkoll li wieħed ma jinjorax l-emozzjonijiet u s-sintomi li jkun qed jħoss, iżda li jaffaċċjahom b’mod effettiv.

Nixtieq nieħu l-opportunità biex insemmi wkoll, illi meta wieħed jibki, bl-ebda mod ma jirriffletti ħażin fuqu, fis-sens li jkun qed jagħmel dan għax huwa dgħajjef, iżda għall-kuntrarju, dan pjuttost jseħħ għax ikun qed jiftakar fil-mumenti sbieħ li qatta’ ma’ persuni tant għeżież għalih.

Ċerti nies kreattivi jsibu wkoll serħan fl-arti jew fil-mużika, billi jiktbu, jkantaw jew jpenġu.

L-istress jista’ jiġi mnaqqas permezz ta’ parteċipazzjoni f’attivitajiet oħrajn minn ġewwa d-dar, bħat-tisjir, qari, televiżjoni. Mill-banda l-oħra, hemm persuni riservati oħrajn li jippreferu li jqattgħu iktar ħin waħedhom, billi jirriflettu.

Fi żmien daqshekk delikat, wieħed faċilment jaqa’ fin-nasba li jiekol ikel mhux nutrittiv, jixrob l-alkohol, jew ipejjep iktar, pero’ dawn l-aggiri iktar se jħallu effetti negattivi fuq il-gisem. Għaldaqstant, wieħed għandu joqgħod attent mill-vizzji.

Minkejja li l-proċess ta’ ‘grief’ huwa wieħed mistenni fiċ-ċiklu tal-ħajja tagħna, dan jista’ jiġi kkumplikat meta wieħed jbati minn sintomi fiżiċi jew mentali li huma meqjusa bħala iktar estremi; u li jwaqqfuh milli jagħmel l-attivitajiet bażiċi tiegħu ta’ kuljum.

F’każijiet bħal dawn, jekk wieħed jaħseb li jkun qed ibati minn ‘complicated grief’, dipressjoni, anzjetà jew stress inkontrollabli, wieħed għandu jirrikorri minnufih għand psikoterapista jew it-tabib tieghu għall-għajnuna professjonali.

Share With: