Il-kampjonat Taljan jista’ jiġi kanċellat

Il-ministru tal-isport Taljan Vincenzo Spadafora qal li ċ-ċansijiet li l-kampjonat Taljan ikompli huma verament minimi. Huwa kien qed jitkellem kmieni l-Erbgħa wara nofsinhar f’konferenza tal-aħbarijiet li ta fil-ministeru tiegħu.

Sadanittant il-clubs tas-Serie A jinsabu ferm urtati minħabba li l-gvern Taljan ordna li gruppi jew timijiet sportivi ma jibdewx jitħarrġu qabel it-18 ta’ Mejju filwaqt li sport individwali bħal tennis u għawm jistgħu jissoktaw bit-taħriġ tagħhom sa mill-4 ta’ Mejju li ġej meta l-lockdown jibda jiġi rilaxxat bil-mod.

Minkejja li l-kap eżekuttiv tal-FA Taljana,  Gabriele Gravina, huwa determinat li jlesti l-istaġun li beda f’Settembru li għadda, il-gvern qed jidher ferm xettiku fuq din il-proposta u jista’ jasal sabiex jissuġġerixxi li jsir bħalma għamlu pajjiżi oħra bħal Franza, l-Olanda u l-Belġju li annullaw il-kampjonati rispettivi tagħhom.

Spadafora qal li qed jara l-biċċa tax-xogħol ferm diffiċli li titkompla u ċerti deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu sabiex ikun hemm inqas inċertezza f’dan ir-rigward. Huwa qal li kważi kważi jkun aħjar jekk dan l-istaġun jiġi sospiż u eventwalment il-clubs jibdew jaħsbu għal ieħor ġdid milli jibqgħu jittamaw f’xi ħaġa li tidher xi ftit impossibbli.

Spadafora sostna li dawk kollha involuti fil-football Taljan iridu jaħsbu għall-pjan alternattiv sabiex jaslu għal iktar soluzzjonijiet minħabba li fi ftit kliem qed jiġġamjaw il-football. Huwa temm jgħid li fi ftit tal-jiem oħra jiġu deċiżi l-ewwel miżuri li se jkunu qed jittieħdu.

Sadanittant diversi players u coaches jinsabu frustrati minħabba li ma jistgħux jużaw il-faċilitajiet tat-taħriġ tal-club rispettivi tagħhom minħabba r-regoli li hemm eżistenti hekk kif ħafna qed jipprotestaw kontra din id-deċiżjoni.

Id-difensur ta’ Lazio, Francesco Acerbi, qal li jinsab konfuż bis-sitwazzjoni preżenti u mhux qed jaċċetta dan il-fattur. Huwa ssuġġerixxa li l-FA Taljana timxi skond il-mudell Ġermaniż fejn players qed jitħarrġu b’mod individwali jew fi gruppi żgħar.

Finalment kulħadd jinsab ħerqan sabiex l-assoċjazzjoni Taljana tagħżel l-aħjar soluzzjoni sabiex tispiċċa l-inċertezza dwar il-kumplament tal-istaġun.

Share With: