Il-Kampjonat Taljan se jerġa’ jibda fil-bidu ta’ Ġunju?

Kif kien mistenni, il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte ħabbar li estenda l-miżuri ta’ lockdown sat-3 ta’ Mejju li ġej. Din l-aħħar miżura hi wkoll valida għad-dinja sportiva u b’mod partikolari l-football.

Qabel din id-data, mhux se jkun possibbli li l-atleti jkunu jistgħu jitħarrġu fiċ-ċentri sportivi rispettivi. B’hekk jidher li d-data tal-4 ta’ Mejju tista’ tkun dik ideali sabiex diversi attivitajiet sportivi jerġgħu jibdew bil-mod kemm għall-plejers kif ukoll għall-coaches tagħhom. Anke l-Ministru għall-isport Vincenzo Spadafora kien tal-istess opinjoni meta kien qed jitkellem mal-mezzi tax-xandir Taljani.

Spadafora qal li konvint li f’ġurnata mhux ‘il bogħod atleti u players se jkunu qed ikompli l-attivitá tagħhom fit-tentattiv li jirbħu l-unuri tagħhom filwaqt li jkunu mudelli għal dawk kollha li jsegwuhom. Hu qal li d-data stabbilita trid tiġi kkonfermata filwaqt li se jkunu qed jittieħdu l-miżuri kollha ta’ sigurtá wara li jkunu kkonsultaw mal-awtoritajiet tas-saħħa Taljani.

Min-naħa tagħhom, il-clubs li jiffurma s-Serie A diġá bdew jieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa hekk kif il-players barranin li qed jaslu minn pajjiżhom se jkunu qed iqattgħu 14-il ġurnata kwarantina sabiex ikunu lesti għat-tkomplija ta’ dan l-istaġun. Fil-fatt il-komunikat li taw diversi clubs Taljani hu dak li l-players fl-iskwadra jirritornaw sa qabel l-Għid il-Kbir.

Sadanittat, l-istess clubs Taljani qed jaħsbu għall-iġjene u s-sanitá possibbli meta se jkunu qed jiddiżinfettaw iċ-ċentri ta’ taħriġ tagħhom kuljum filwaqt li jaraw li l-players ma jkun jonqoshom xejn. Din il-miżura qed titqies bħala importanti sabiex huma jkunu qed jobdu r-regolament sanitarji li d-dipartiment tas-saħħa Taljan ħareġ f’dawn l-aħħar sigħat.

Sadanittant, hu maħsub li l-kampjonat Taljan se jkompli fi tmiem il-ġimgħa ta’ bejn it-30 ta’ Mejju u t-2 ta’ Ġunju meta kull team bejn wieħed u ieħor fadallu jilgħab 12-il partita.

 
Finalment, il-kummissjoni medika tal-Federazzjoni tal-Football Tajana qalet li t-tobba tal-clubs rispettivi għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lil dawk il-players li ħarġulhom il-Covid-19 sabiex joqogħdu għall-protokoll miftiehem riċentement.

Share With: