Il-Kaptan Tom Moore, ta’ 99 sena, idur 100 dawra mal-ġnien tiegħu biex jiġbor fondi għall-ħaddiema tal-NHS

Il-Kaptan veteran Tom Moore, li għandu xejn inqas minn 99 sena, dar 100 darba mal-ġnien tiegħu wara li rnexxielu jiġbor £12-il miljun f’fondi għall-ħaddiema tas-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa (NHS) tar-Renju Unit.

Fil-preżenza ta’ suldati mill- Ewwel Battaljun tar-Riġment ta’ yorkshire, wara li rnexxielu jlesti l-100 dawra, l-anzjan saħaq li kien qed iħossu tajjeb u kien kuntent li kien imdawwar minn suldati.

Intant l-inizjattiva tal-anzjan wasslet biex bosta politiċi, personalitajiet sportivi u ħaddiema tal-NHS ifaħħru l-aġir tiegħu.

Moore oriġinarjament ried li jdur 100 darba mal-ġnien qabel ma jagħlaq il-100 sena fl-aħħar ta’ dan ix-xahar, u kien qed jittama li jiġbor £1,000.

Moore beda jiġbor fondi għall-ħaddiema tal-NHS biex jirringrazzjahom talli kienu tawh il-kura li kellu bżonn wara ksur f’ġenbejh.

L-anzjan tenna li l-ħaddiema tal-NHS li jinsabu fuq quddiem nett tal-ġlieda kontra l-Covid-19 “jitħoqqilhom dak kollu li nistgħu nagħtuhom”.

Bintu Hannah qalet li missierha spiċċa biex sar simbolu ta’ tama f’dawn iż-żminijiet diffiċli.

Moore kien tħarreġ bħala inġinier qabel ma serva fl-armata fit-Tieni Gwerra Dinjija. Eventwalment huwa ngħata l-promozzjoni għal kaptan u fost oħrajn serva fl-Indja u Burma.

Share With: