Il-karamelli tal-ħarrub… tradizzjoni li ntiret tliet ġenerazzjonijiet

Minn MELVIN FARRUGIA

F’dawn iż-żminijiet tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid, hi tradizzjoni Maltija li jinbigħu l-karamelli tal-ħarrub. Ir-raġuni hi li z-zokkor li jintuża biex isir dan il-ħelu jiġi maħruq fil-proċess u allura jkun jista’ jittiekel fir-Randan, meta hu mument li n-nies jagħmlu s-sawm. 

Dwar dan il-ħelu tradizzjonali tkellimna ma’ Rodney Pavia li jmexxi Ta’ Pavia Confectionery f’Ħaż-Żabbar u li ilu jagħmel dan ix-xogħol għall-aħħar 20 sena. Hu beda jispjegalna li bħala familja ilhom f’dan in-negozju sa mill-1983. Kien nannuh min-naħa ta’ ommu li beda dan in-negozju u wara wirtu missieru u issa hu. 

Bħala kumpanija huma ma jaħdmux biss dawn il-karamelli, iżda anke ġulepp tal-ħarrub u l-qubbajd. Il-prodotti kollha huma tradizzjonali Maltin u għadhom isiru skont il-metodi kif dejjem kienu jsiru. 

Rodney jistqarr li ħafna mix-xogħol hu relatat mat-turiżmu, għalkemm il-Maltin jixtru ħafna u fejn jidħlu l-karamelli tal-ħarrub huma l-Maltin li jixtruhom l-aktar. 

Kompla jispjegalna li bejn Frar u April għalihom ikun iż-żmien tal-karamelli. L-ewwel biċċa xogħol li jagħmlu, u anke l-akbar kedda li jieħdu, hi li jaqtgħu l-ħarrub mis-siġar. Dan imbagħad jiġi inkaljat u jitkisser f’biċċiet. Minn hemm jibda jiġi msajjar, jitgħalla u miegħu jiżdiedu diversi ħwawar bħal weraq tar-rand, imsiemer tal-qronfol, bsaten tal-kannella u affarijiet oħra. Dak l-ilma mbagħad jiġi msajjar u minnu jsiru l-karamelli.  

Rodney jistqarr li l-proċess hu wieħed li jieħu ftit tal-ħin. Fil-fatt, it-togħlija tal-ħarrub iddum sejra mas-seba’ sigħat għax din titħalla ttektek bil-mod. Qabel dan il-proċess, il-ħarrub ikun ġie inkaljat. Imbagħad biex ikunu jistgħu jsiru l-karamelli, l-ilma li jkun ħareġ mit-togħlija terġa’ tiġi msajra għal madwar nofs siegħa u jiżdidulha xi ingredjenti oħra. 

Din it-taħlita mbagħad tintefa’ fuq irħama ħalli tiksaħ malajr u b’hekk wara ftit tal-ħin tkun tista’ tiġi mferrgħa taħlita oħra malajr. Rodney stqarr li fl-imgħoddi ma kienx ikollhom wisq flus u allura ma setgħux jixtru rħama biex jaħdmu fuqha. Għalhekk qal li t-taħlita kienet tiġi mferrgħa fuq il-madum mal-art u d-dulċiera kien jaħdmuha għarrkubtejhom. 

Mistoqsi dwar kemm jagħmlu minn dawn il-karamelli kull sena, Rodney qal li huma jagħmlu mal-150,000 borża tal-karamelli li f’kull waħda jkun hemm 15-il karamella. Sostna li kull taħlita toqgħod f’madwar 20 borża u għalhekk jagħmel mal-40 taħlita fil-ġurnata. Ix-xogħol fuq il-karamelli jibda minn Frar u jibqa’ sejjer sa April. Filwaqt li jkunu ffokati aktar biex jagħmlu l-karamelli, huma jagħmlu wkoll il-ġulepp tal-ħarrub u ġieli anke xi ftit qubbajd. Barra minn hekk, Rodney jqassam dawn il-prodotti li jordnawlu fil-ħwienet. 

Intant, hu spjegalna li din is-sena t-turiżmu naqas u għalhekk jagħmel effett fuq il-bejgħ tagħhom. Qal li s-sena l-oħra kien hawn ħafna turisti u x-xitwa kienet b’saħħitha kważi daqs is-sajf. Min-naħa l-oħra, spjegalna li din is-sena nħasset ix-xitwa batuta u dan qabel ma kienet biss bdiet il-kwistjoni tat-tixrid tal-Coronavirus. 

Filwaqt li qal li jkollhom bżonn ftit mumenti fejn jikkalma xi ftit ix-xogħol, għax ikunu jistgħu anke jirranġaw l-affarijiet li jaħdmu bihom, min-naħa l-oħra qal li jkun importanti li fis-sajf jerġa’ jirpilja x-xogħol ħalli dejjem tkompli ddur ir-rota. 

Share With: