Il-kompetizzjonijiet tal-clubs Afrikani posposti minħabba l-coronavirus

Sar magħruf li l-finali tat-Tazza taċ-Champions kif ukoll it-Tazza tal-Konfederazzjonijiet Afrikani li kellhom isiru f’Mejju li ġej, ġew posposti minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Kelliem mill-CAF qal li dawn iż-żewġ kompetizzjonijiet għalissa ġew sospiżi minħabba li din il-pandemija laħqet ukoll lill-kontinent Afrikan.

Il-belt ta’ Douala fil-Kamerun kellha tospita l-finali tat-Tazza taċ-Champions fil-Japoma Stadium li jesa’ 50,000 spettatur. Mill-banda l-oħra l-finali tat-Tazza tal-Konfederazzjonijiet Afrikani kellha ssir fil-belt Marokkina, ta’ Rabat, fil-Prince Moulay Abdellah Stadium, fl-24 ta’ Mejju li ġej.

Fi stqarrija li ħarġet l-Assoċjazzjoni Afrikana ġie dikjarat li se jkunu qed jikkonsultaw ma’ dawk kollha involuti biex wieħed isib it-triq ‘il quddiem f’dan ir-rigward. 

B’hekk il-CAF qed tevalwa sew is-sitwazzjoni filwaqt li qed taħdem mal-awtoritajiet konċernati fosthom anke l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) biex jaraw l-impatt eżatt tal-coronavirus f’wieħed mill-ikbar kontinenti tad-dinja.

Is-sena l-oħra kien hemm ukoll it-tieni leg tal-finali taċ-Champions League li saret, f’Tuneż, li wkoll ġiet posposta.

It-timijiet minn Cairo, Al Ahly u Zamalek, kif ukoll it-timijiet minn Casablanca, Raja u Wydad, waslu sas-semi-finali ta’ din il-kompetizzjoni li kellha ssir fuq żewġ legs bejn l-1 u d-9 ta’ Mejju.

Min-naħa l-oħra Hassania Agadir u Renaissance Berkane tal-Marokk, Horoya tal-Guinea u Pyramids tal-Eġittu waslu sas-semi-finali tat-Tazza tal-Konfederazzjonijiet Afrikani li kellhom isiru bejn it-3 u l-10 ta’ Mejju.

Il-fatt li bħalissa hemm restrizzjoni fuq it-titjiriet minn u lejn pajjiżi oħra kien fattur ieħor għaliex l-CAF iddeċidiet li għalissa twaqqaf kollox għax xorta ma kienx se jkun hemm aċċessibbiltá għall-clubs involuti. Barra minn hekk bħalissa hemm problemi finanzjarji u kull tip ta’ vjaġġ jista’ jiswa ħafna flus għat-timijiet Afrikani li spiċċaw bla sponsors f’dan iż-żmien diffiċli.

Il-CAF Super Cup hi logħba li ssir darba fis-sena bejn ir-rebbieħa taċ-Champions League Afrikana u dawk tat-Tazza tal-Konfederazzjonijiet u normalment issir fi stadium newtrali. 

B’xorti ħażina dawn il-logħob ftit ikollhom attendenza tajba ugħalhekk il-CAF qablet li fis-sitwazzjonij preżenti jkun aħjar jekk jistennew l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Share With: