Il-kompetizzjonijiet tal-UEFA se jintlagħbu wara l-kampjonati domestiċi
Membru tal-Kunsill tal-FIFA, Evelina Christillin, tat wieħed x’jifhem li l-pjan hu li jiġi pospost il-logħob taċ-Champions League u tal-Europa League sa wara li jitlestew il-kampjonati nazzjonali.
L-isport kollu waqaf kważi xahar ilu minħabba l-pandemija tal-coronavirus u għadu mhux ċar meta jew kif se jkompli l-istaġun 2019-20.
Ġie rrappurtat li l-kompetizzjonijiet domestiċi se jitlestew l-ewwel, imbagħad iċ-Champions League u l-Europa League, probabbilment f’format ġdid biex jilagħbu logħbiet ta’ darba fi ground newtrali.
“Is-saħħa u s-sigurtà jiġu l-ewwel u qabel kollox. L-aqwa ħames kampjonati kbar iridu jikkonkludu l-istaġun tagħhom, iżda ħadd m’hu beħsiebu jaqbeż lill-kapijiet tal-Gvern jew tal-awtoritajiet lokali,” qalet Christillin.
Xi clubs kienu qed jippruvaw jerġgħu jibdew it-taħriġ, iżda bdew jiġu mblukkati bid-digrieti tal-Gvern, hekk kif fl-Italja l-players ma jistgħux jissejħu lura sa mill-inqas l-4 ta’ Mejju.
“Jiddependi mill-Gvernijiet f’kull pajjiż. Fit-teorija, jista’ jkun possibbli li terġa’ tibda t-taħriġ ladarba dan id-digriet ikun skada, iżda ma nafx jekk hux se jkun possibbli li dan isir fl-Ewropa kollha fl-istess żmien.
“Naf li se jkun hemm sejħa permezz ta’ konferenza bil-video fit-22 ta’ April mar-rappreżentanti kollha tal-55 Federazzjoni tal-UEFA u ġurnata wara laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv. B’dan il-mod, se nkunu nafu dak li ġie maqsum u diskuss mal-Federazzjonijiet.”
Ġie rrappurtat b’mod wiesa’ li l-idea għas-Serie A hija li terġa’ tibda l-logħob fil-31 ta’ Mejju, tilgħab kull tlett ijiem sat-12 ta’ Lulju.
Iċ-Champions League u l-Europa League jistgħu mbagħad jitlestew sa nofs Awwissu.
“Hemm mappa mwittija, billi qegħdin naħdmu mal-ECA u mal-UEFA. Il-prijorità hija s-saħħa, imbagħad jerġa’ jibda l-istaġun u finalment jikkonkludu l-kompetizzjonijiet Ewropej għal Awwissu.
“Hemm problema kbira ħafna u kumplikata rigward l-organizzazzjoni, iżda l-president Gianni Infantino kkonferma li se jkun hemm għajnuna għal dawk il-clubs.