Il-Kumitat tad-Djalogu Soċjali tal-MFA qed jevalwa miżuri ulterjuri

L-MFA tinsab f’diskussjonijiet ma’ dawk kollha involuti fil-football lokali bit-tema ewlenija tkun l-isfidi li qed jaffaċċjaw minħabba l-pandemija tal-Coronavirus li ġabet prattikament għarkupptejh mhux biss lill-football kollu iżda anke sport ieħor madwar id-dinja.

Dawn id-diskussjonijiet qed isiru b’mod kontinwu li l-għan tagħhom huwa biex jinħolqu miri u objettivi fit-tentattiv li jkun hemm it-triq ‘il quddiem fi problema li d-dinja qatt ma ltaqgħet magħha.

 Wara aktar diskussjonijiet ma’ diversi rappreżentanti tal-football lokali, l-MFA organizzat laqgħa permezz ta’ video conferen­ce mal-kumitat għad-djalogu soċjali u d-diskussjoni waq­għet fuq materji industrijali u regolatorji. Dan il-kumitat huwa magħmul minn rappreżentanti ta’ clubs, players u coaches, li ddiskutew suġġetti ta’ interess komuni fosthom l-istatus u t-trasferimenti ta’ players kif ukoll il-qasam tax-xogħol partikolarment nies li huma impjegati fl-isport.

Fil-laqgħa preċedenti, ir- rappreżentanti tal-Kumitat tad-Djalogu Soċjali kienu mitluba biex ikollhom il- mandat tal-membri u jiddiskutu f’isimhom u jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa f’dan iż-żmien tant delikat. Ċerti deċiżjonijiet huma importanti minħabba n-natura tas-sitwazzjoni li hi inċerta ferm.

Waħda mill-proposti hi dik li dawk kollha involuti fil-football lokali jaċċettaw ftehim kollettiv ad hoc fuq ċerti impjiegi li huma fil-linja tal-FIFA iżda f’kun­test differenti u relatati mal-istaġun domestiku attwali.

Bħala parti mill-asses­sjar kontinwu tas-sitwaz­zjoni, il-Kumitat tad-Djalogu Soċjali ħares ukoll lejn diversi sitwazzjonijiet bħall-istatus tal-players, coaches u staff f’kategoriji differenti li jvarjaw minn full-time għal part-time. 

It-total ta’ kuntratti re­ġistrati f’kull diviżjoni bejn players, coaches u staff huwa dak ta’ 845 li jekk inżiduhom man-numru ta’ staff full-time u part-time li huma impjegati mal-assoċjazzjoni, dan kollu jaqbeż l-1,000 ħaddiem.

L-għan ta’ kulħadd huwa li ħadd ma jitlef xogħlu minħabba li kull im­pjegat mill-kbir saż-żgħir qed jagħti kontribut siewi lill-football Malti.

Waqt laqgħa permezz ta’ video conference mal-membri tal-media, il-president tal-MFA Bjorn Vassallo, stqarr li l-Assoċjazzjoni se tkun qed tonora r-responsabbiltajiet finanzjari tagħha mal-clubs u assoċjazzjonijiet membri irrispettivament meta u kif  ikompli l-logħob anke jekk bil-bi­bien magħluqa.

Il-budget allokat għal dak li jissejjaħ Guaranteed Gate Income Scheme u għajnuniet oħra kienu kkonfermati anke jekk jista’ jkun hemm sitwazzjoni fejn ma jkunx hemm qligħ mill-bejgħ ta’ biljetti aktar u aktar jekk is-sospensjoni tal-logħob domestiku tiġi estiża.

Is-Sur Vassallo saħaq  fuq l-importanza li l-clubs lokali jkomplu jkunu sostnuti f’dan il-perjodu ta’ inċertezza kbira li qed iħalli ħafna tbatija fuq kulħadd. 

Il-president tal-MFA qal li fuq kollox is-saħħa u s-sigurtá ta’ kull min hu involut fil-kommunitá tal- football tibqa’ l-ew­wel interess. L-assoċjazzjoni qed tkompli taħseb għal xi soluz­zjonijiet effettivi biex bħala sport lokali l-football jiġi salvagwardjat.

Hu kompla jgħid li f’dan iż-żmien daqshekk delikat, huwa importanti li jiġu emendati temporanjament ir-regoli tal-FIFA fir-rigward ta’ status u t-trasferimenti ta’ players. Dan kollu huwa importanti biex il-clubs f’kull livell madwar l-Ewropa jkollhom direzzjoni ko­muni fuq x’għandhom jagħ­mlu.

B’hekk diversi persuni fi ħdan l-assoċjazzjoni lokali tal-football ħadu sensiela ta’ miżuri immedjati b’ris­pons għall-kriżi attwali billi ssospendiet il-proċess tal-liċenzjar tal-clubs u l-kriterji kollha tas-CPD li jinvolvu wkoll it-tiġdid tal-liċenzjar tal-coaches għall-istaġun 2020-21. Fl-istess waqt ġiet sospiża wkoll l-obligazzjoni għall-permess tar-residenza fl-Unjoni Ewropea. 

Fil-fatt, l-artiklu 4.6 (sezzjoni IV) tar-regolamenti tal-assoċjazzjoni dwar l-istatus u t-trasferimenti tal-players ġie emendat temporanjament biex jagħ­milha possibbli li l-clubs u l-players jilħqu fte­him reċiproku dwar it-terminazzjoni ta’ ċerti obligi fil-kuntratt.

Il-parteċipanti fil-video conference ġew aġġornati dwar id-diskussjonijiet li saru fuq livell internaz­zjonali speċjalment fi ħdan l-UEFA u l-FIFA li kienu mmirati biex jindirizzaw il-kumplikazzjonijiet li ħo-l­oq il-coronavirus.

Filwaqt li l-Covid-19 ġiegħlet diversi clubs madwar l-Ewropa biex ineħħu xi players jew membri tal-istaff fid-dawl taċ-ċirkostanzi li qed jaffaċċjaw, ħarġu proposti oħra fejn fost l-oħrajn jiġu mnaqqsa s-sa­larji attwali kif ukoll il-perjodi meta l-players u l-istaff tal-coaches jieħdu l-vaganzi tagħhom. 

Il-Kumitat tad-Djalogu Soċjali se jkun qed jieħu deċiżjonijiet diffiċli dwar dawn it-temi xi ftit sensittivi waqt laqgħa permezz ta’ video conference li se ssir nhar l-Erbgħa li ġej. 

Sadanittant il-president tal-MFA qal li dawn it-temi importanti qed jiġu studjati mit-task force imsejħa “FIFA Covid-19” minħabba li ċerti affarijiet jaqgħu taħt ir-responsabbiltá tal-is­tess federazzjoni dinjija tal-football.

Huwa għalhekk li l-MFA se tkun qed timxi mal-linji gwida li joħorġu l-FIFA filwaqt li l-bord tal-ilmenti ta’ players, coaches u staff ieħor kemm Maltin kif ukoll barranin qed jiġu evalwati wkoll. B’hekk ikun hemm uniformitá li f’dan iż-żmien hija importanti biex kulħadd jimxi bl-istess mod.

Fl-istess waqt, l-MFA qiegħda fil-proċess li tħejji rapport dwar it-telf finanzjarju li mistennija jkollha waqt il-kriżi ta’ Covid-19 u li tinvolvi wkoll clubs membri, l-assoċjazzjoni tal- football f’Għawdex, is-settur taż-żgħażagħ u għaqdiet oħra involuti fosthom l-MFA SportsPlus Limited li wkoll ġiet effettwata meta kellha tħassar diversi kampijiet ta’ taħriġ li kel­lha mħejjija bejn Marzu u Mejju.

Finalment, il-president tal-MFA spjega li l-UEFA ippreżentat numru ta’ xenarji li jistgħu jseħħu dejjem jekk il-kompetiz­zjonijiet domestiċi madwar il-kontinent ikomplu.

F’dan ir-rigward l-MFA mhux qed teskludi xejn u qed tistenna ċerti deċiżjonijiet li mistennija joħorġu kemm il-UEFA kif ukoll il-FIFA. F’dan ir-rigward, il-clubs ingħataw 14-il ġurnata ċans biex jagħtu s-sottomissjonijiet tagħhom għall-kalendarju ta’ logħob ladarba l-awtoritajiet tas-saħħa jagħtu l-permessi kollha meħtieġa.

Dawn it-temi kollha se jkunu qed jiġu diskussi f’video conference oħra li se ssir bejn is-segretarji ġene­rali tal-55 assoċjazzjonijiet nazzjonali li huma membri affiljati mal-UEFA.

Minn hemm wieħed għandu jkollu direzzjoni ġdida filwaqt li tingħata stampa aktar ċara dwar dak li jista’ jiġri fil-futur qrib.

tad-Djalogu Soċjali tal-MFA qed jevalwa miżuri ulterjuri

Share With: