Il-kumplament tas-Serie A jista’ jintlagħab f’erbat ibliet

B’nofs l-imwiet kollha tal-coronavirus fl-Italja jseħħu fil-Lombardia, il-logħob tas-Serie A jista’ jintlagħab f’erba’ bliet tan-nofsinhar biss, inklużi Ruma, Firenze u Napli.

Membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u konsulent tal-Kumitat Olimpiku Taljan, Walter Riccardi, ikkonferma li huma “qed jipproponu li jilagħbu fiċ-ċen­tru-nofsinhar tal-pajjiż.”

Il-bliet diskussi huma Firenze, Ruma, Napli u potenzjalment waħda oħra.

“L-Italja mhix l-istess f’termini ta’ infezzjoni. Fiċ-ċentru-nofsinhar ma seħħitx dik l-isplużjoni terribbli li rajna fit-tramuntana.

“Iżda n-nies jikkommunikaw u jivvjaġġaw. F’xi partijiet tal-pajjiż, dan għadu ma jistax isir. Hemm żoni fejn għad hemm aktar minn 100 imwiet kuljum.

“Id-differenza bejn iż-żoni skond il-livell ta’ riskju hija tajba, għalhekk aħna qed nipproponu li nilagħbu fiċ-ċentru-nofsinhar minħabba li ma jagħmilx sens li jiġu pprojbiti attivitajiet fejn ma jkunx hemm każijiet bħal Basilicata.”

Dan huwa simili għas-suġġeriment tal-ġimgħa l-oħra li l-logħbiet li fadal tas-Serie A jintlagħbu f’Ruma u fil-madwar, estiżi biss għal reġjuni differenti.

It-timijiet se jkollhom jibqgħu maqfula f’irtir ta’ taħriġ għaż-żmien kollu, li tkun qed tagħmel iktar sens jekk dawn ikunu f’żoni mhux affettwati ħażin ħafna mill-pandemija.

Il-Lombardia hija l-epiċentru u tkompli tirrappreżenta nofs l-imwiet kollha ta’ kuljum tal-Covid-19 fl-Italja. Il-clubs tas-Serie A fl-iktar żoni milquta mit-tfaqqigħ huma Milan, Inter, Brescia u Atalanta.

Minħabba li l-logħob li fadal se jkun wara l-bibien magħluqa, il-vantaġġ tal-home għandu jkun prattikament imxejjen xorta waħda.

Ir-reġjuni in kwistjoni għandhom aktar minn ground wieħed addattat għall-football tas-Serie A, per eżempju Frosinone u Benevento għandhom areni relattivament ġodda.

Share With: