Il-Kunsill ta’ Birżebbuġa jitlob li ċ-Ċentru miftuħ ta’ Ħal Safi jingħalaq

Wara li lbieraħ tħabbar il-każ tar-raġel Niġerjan li rriżulta pożittiv għall-Covid-19

Il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa qed jappella biex iċ-Ċentru miftuħ ta’ Ħal Far jingħalaq. Dan wara li fil-konferenza tal-aħbarijiet tal-bieraħ, inidirizzata mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci, sar magħruf li fiċ-Ċentru persuna rriżultat pożittiva għall-Covid-19.

Dan il-każ kien wieħed mis-sitt każi rapportati lbieraħ.

In-Niġerjan, ta’ 33 sena, ġie f’Malta f’Ottubru li għadda. Riċentament huwa ma kienx imur ix-xogħol għax kellu inċident u b’hekk ir-riskju ta’ tixrid tal-virus barra miċ-ċentru kien meqjus bħala wieħed minimu. Sitt persuni li ġew f’kuntatt miegħu tpoġġew fi kwarantina mandatorja.

Intant il-Kunsill saħaq li huwa kien qed jagħmel dan l-appell biex titħares is-sigurtà u saħħet b’mod speċjali tar-residenti tal-madwar li huma l-eqreb taċ-Ċentru miftuħ.

Il-Kunsill tenna li r-residenti ta’ dan iċ-ċentru ta’ spiss ikunu jitlajjaw fl-inħawi u dan jista’ jservi ta’ detriment anke għar-residenti.

Share With: