Il-Malta Enterprise qed tipproċessa l-applikazzjonijiet biex tassisti mat-83,000 ħaddiem

Sal-lum il-ġurnata l-Malta Enterprise qed tipproċessa l-applikazzjonijiet biex b’hekk se tassisti mal-83,000 ħaddiem. Dan tħabbar fl-aħħar aġġornament minn naħa tal-Ministru Silvio Schembri u l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia.

F’dawn l-aħħar ħames ġimgħat fuq in-numru 144 kien hemm mat-22,000 telefonata.

Il-Ministru Schembri spjega li bħala gvern l-intenzjoni ta’ din l-għajnuna li qed tingħata hija biex jiġu ssalvagwardjati l-impjiegi u qal li kollox jindika li dak l-għan qed jintlaħaq. Huwa fisser li l-prijorità hija kif se jerġgħu jistimulaw l-ekonomija tagħna. Il-Ministru spjega wkoll li fil-jiem li għaddew ippreżentaw il-programm tagħhom lill-Awtoritajiet tas-Saħħa dwar kif jistgħu jerġgħu, bil-mod u bil-prekawzjonijiet kollha, jiftħu n-negozji. “Il-ħsieb tagħna huwa li nqajjmu kemm jista’ jkun malajr in-negozju iżda mhux qed inħarsu lejn sitwazzjoni li jekk niftħu allura l-għajnuna se tieqaf. Il-Gvern irid ikompli jgħin. Kull darba li kellna sfida, il-poplu dejjem qam għall-okkażjoni u qed naraw l-entużjażmu fin-negozji tagħna. Bħala Ministeru ressaqna l-proposti tagħna u qed nistennew mill-awtoritajiet tas-saħħa meta nistgħu nibdew il-proċessi,” qal Schembri.

Huwa qal li t-tema użata għal din l-għajnuna b’rabta mal-Covid-19 hija li nieħdu ħsieb illum u għada għax il-miżuri tal-lum, apparti li jiġu salvati kemm jista’ jkun impjiegi, iridu jaraw li dawn il-miżuri jwassluna għall-istadju li jmiss għal wara li tgħaddi s-sitwazzjoni marbuta mal-pandemija tal-Covid-19.

L-applikazzjonijiet baqgħu jiżdiedu wkoll b’rabta mal-miżura tal-Wage Supplement fejn għal din il-miżura l-gvern alloka €800 għal kull impjieg full time u €500 għal dawk part time. It-total tal-applikazzjonijiet issa jlaħħqu 18,204.

Dwar il-partial wage supplement kien hemm 2,627 applikazzjoni li minnhom 15,364 persuna jaħdmu full time u 1,808 kienu part time. B’kollox l-ispiża totali b’rabta ma’ dan hija ta’ madwar nofs miljun ewro.

Dawn il-miżuri b’kollox se jammontaw għal madwar €100 miljun ewro fix-xahar. Il-Ministru qal li bħala gvern iħossu li huwa ġust li jkunu trasparenti mill-ewwel ġurnata fuq dan il-proċess biex il-poplu stess ikun jista’ jara kif il-fond qed jiġu utilizzati.

Share With: