Il-Parlament f’diżgwid dwar miżura fuq l-ippjanar minħabba l-Covid19

Il-Gvern u l-Oppożizzjoni ma qablux dwar is-sospensjoni tal-laqgħat ta’ konsultazzjoni pubblika fuq applikazzjonijiet li jsiru quddiem l-Awtorita tal-Ippjanar minħabba l-Covid19.

Permezz tal-Avviż Legali 109 maħruġ fit-30 ta’ Marzu li għadda l-Gvern iddeċieda li minħabba din il-pandemija ma jistgħux jissejħu laqgħat ta’ konsultazzjoni fil-miftuħ imma minflok isiru b’mezzi elettroniċi.

Id-deputati tal-Oppożizzjoni eletti f’isem il-Partit Demokratiku, Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia, oġġezzjonaw għal dan u ressqu mozzjoni fejn talbu li jew titneħħa jew tinbidel biex xorta jkun hemm obbligu tal-konsultazzjoni pubblika.

Waqt li l-mozzjoni sabet l-appoġġ tal-bqija tad-deputati tal-Oppożizzjoni li ġew eletti f’isem il-PN, mhux l-istess fir-rigward ta’ dawk tal-Gvern.

Fost il-punti li tqajjmu kien hemm dak dwar l-użu tat-teknoloġija bin-naħa tal-Gvern tisħaq dwar kemm hu tajjeb li din tibqa’ tintuża anke wara li tgħaddi l-pandemija mentri kelliema tal-Oppożizzjoni semmew li mhux kulħadd huwa midħla mal-użu teknoloġiku.

Il-Ministru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u Ippjanar Aaron Farrugia kien fost il-kelliema li tkellmu fejn għamilha ċara li ma jaqbilx mad-deputat Godfrey Farrugia li fid-diskors tiegħu iddeskriva l-Awtorita tal-Ippjanar bħala mostru.

Farrugia ċaħad li l-Awtorita tal-Ippjanar taġevola lill-iżviluppaturi u kollox isir bil-moħbi kif ta x’jifhem l-istess deputat u talab biex nagħtuha dak li jistħoqqilha għax tagħmel ħidma kbira.

Huwa irrefera għal dawk li sejjaħ bħala “atroċitajiet” li saru fl-2006 fejn medda kbira ta’ art li kienet fiz-Zona Barra l-Iżvilupp (ODZ) daħlet fiz-zona li setgħet tiġi żviluppata u sostna li għadna nbatu l-konsegwenza sal-lum.

Farrugia nsista li għalkemm ikun hawn min jgħid li issa huwa l-ministru u li allura seta’ jibdel dak li sar fl-2006 il-verita hija li jekk il-Gvern ineħħihom miz-zona ta’ żvilupp jiffaċċja kawżi li jaf jiswew il-miljuni f’kumpens.

Huwa irrefera għall-mistoqsija dwar x’miżuri jistgħu jittieħdu dwar l-applikazzjonijiet billi semma kif wara li ħa parir tal-Avukat tal-Istat minbarra s-sospensjoni tat-termini persuna tista’ tieħu każ fil-Qorti b’mod urġenti.

Min-naħa tiegħu, Godfrey Farrugia appella lill-Ministru Farrugia biex jgħaffeġ ras dawk li sejjaħ bħala “sriep” li jista’ jkun qed iduru ma’ saqajh biex jakkwistaw xi ħaġa.

Minbarra li iddeskriva lill-Awtorita tal-Ippjanar bħala mostru huwa xebbaha wkoll ma’ żiemel li sfratta u qal li m’hemm ebda ippjanar fl-iżvilupp imma żvilupp biss u allega li min għandu l-flus iħokk dahar dawk li jiddeċiedu.

Farrugia sostna wkoll li l-ambjent ġie stuprat minħabba d-direzzjoni fjakka tal-politiċi u akkuża lill-eks-Prim Ministru Joseph Muscat li huwa u l-gvern tieħu “dewwed” is-sistema.

Fi tmiem id-diskussjoni l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia nforma liż-żewġ naħat li l-votazzjoni dwar il-mozzjoni se tittieħed fis-seduta tat-30 ta’ April li ġej.

Share With: