Il-players ta’ Manchester United jaċċettaw tnaqqis ta’ 30% fil-paga tagħhom

Il-players ta’ Manchester United saru l-ewwel team mill-Premier League Ingliż li tnaqqsitilhom il-paga tagħhom biex minnha jagħtu  donazzjoni lin-National Health Services (NHS).

Il-players li jaqilgħu madwar £375,000 fil-ġimgħa qablu li jinqatagħlhom 30% mis-salarju tagħhom biex ikunu jistgħu jgħinu sptarijiet jew ċentri tas-saħħa mxerrda madwar il-belt ta’ Manchester li għaddejjin b’ħidma bla heda fil-battalja kontra l-coronavirus.

Iċ-chairman tar-Red Devils, Ed Woodward, tkellem mal-captain tat-team Harry Maguire dwar l-idea li jgħinu finanzjarjament din il-kawża.

Din id-deċiżjoni seħħet ukoll wara li l-eks attakkant internazzjonali Ingliż, Gary Lineker, iddefenda lil dawk il-players li m’għadhomx titnaqqsilhom  il-paga tagħhom minkejja li s-Ministru tas-Saħħa Ingliż, Matt Hancock, ħeġġeġ lill-istess players sabiex jirrealizzaw li huma jridu jagħtu sehemhom finanzjarjament.

Sadanittant Manchester United se jkunu qed jagħtu donazzjoni ta’ £1.75 miljun bl-awtoritajiet tal-club li ħeġġewabiex kulħadd jagħti s-sehem tiegħu lil dawn in-nies li ħafna qed isejħulhom eroj minħabba li qed jiltaqgħu ma’ ħafna saram kuljum bil-COVID-19 li b’xorti ħażina daħlet sew fir-Renju Unit.

Din l-idea se tkun qed tiġi fis-seħħ wara li fir-Renju Unit diversi clubs qed jesperjenzaw telf kbir finanzjarju bil-players li qed jiġu mitluba jagħtu l-kontribut tagħhom biex ħaddiema oħra fl-istaff tat-team tagħhom jibqgħu jitħallsu.

Anke l-partitarji ta’ diversi clubs tal-football Ingliż qed jaqblu li l-players jagħmlu tajjeb għal din il-kriżi minħabba li skond huma ħafna minnhom jgħixu fil-lussu u żgur li billi jaqtgħu xi xhur mill-paga tagħhom, m’humiex se jiftaqru.

Kien għalhekk li Tottenham Hotspur, Newcastle United, Norwich City u Bournemouth ukoll daħlu għal din il-biċċa xogħol biex ħaddiema oħra bħal dawk li jnaddfu, uffiċjali tas-sigurtá, ħaddiema fil-ħwienet, kokijiet u oħrajn anċillari jkunu jistgħu jirċievu l-paga tagħhom fl-aħħar tax-xahar.

Finalment diversi osservaturi tal-football Ingliż qalu li jridu jkunu l-players stess li jirrealizzaw li f’dan il-mument kulħadd irid jagħti l-kontribut tiegħu biex ħadd ma jibqa’ lura.

Share With: