Il-POU titlob lill-gvern jerġa’ jikkunsidra deċiżjoni dwar il-kaċċa

Tgħid li l-Pulizija qegħdin iġorru l-piż tal-ispezzjonijiet u l-infurzar tal-miżuri marbutin mal-covid-19

Il-Police Officers’ Union fi stqarrija maħruġa minnha esprimiet id-diżapprovazzjoni tagħha għall-aħbar li din is-sena l-istaġun tal-kaċċa ħa jinfettah regolarment minkejja il-fatt li il-membri tal-Korp tal-Pulizija bħalissa qiegħdin iġorru il-piż ta l-ispezzjonijiet u l-infurzar tal-miżuri marbutin mal-Covid19.

Il-POU qalet li matul żminijiet normali waqt l-istaġun tal-kaċċa, il-volum tal-ħidma tal-iskwadra tal-Administrative Law Enforcement (ALE) jiżdied drastikament tant li jinħargu transfers temporanji ta’ Pulizija min distretti u branki biex joffru l-assistenza lil din l-iskwadra.

Żiedet tgħid li ftit ġimghat ilu l-istess skwadra tal-ALE kienet magħżula biex tagħmel spezzjonijiet fuq in-nies li huma taht kwarantina u din id-deċiżjoni ħa tkompli titfa’ piż kemm fuq din l-iskwadra, kif ukoll fuq il-kumplament tal-membri tal-Korp.

Il-pożizzjoni tal-Union hi esklussivament għal din ir-raġuni qiegħdin jitolbu lill-Gvern sabiex jerġa’ jieħu din id-deċiżjoni taħt konsiderazzjoni speċjalment f’żmien fejn il-Pubbliku qiegħed jiġi mitlub jagħmel sagrifiċċju biex tiġi megħluba din il-kriżi u l-membri tal-Korp qiegħdin jiġu mitluba biex l-isforzi primarji tagħhom ikunu fuq l-infurzar biex dan ikun possibbli.

Share With: