Il-Premier League Ingliż pospost għal meta s-sitwazzjoni tkun tajba

Wara li l-imsieħba interessati u l-clubs tal-Premier League Ingliż kellhom laqgħa permezz tal-video conference ġie deċiż li l-kampjonat ġie pospost għal meta s-sitwazzjoni tkun tajba hekk kif il-pajjiż qed jiffaċċja żmien mill-aktar diffiċli minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Fi stqarrija maħruġa mill-kumitat tal-Premier League kienet tgħid li l-kampjonat ġie pospost għal data li għadha trid titħabbar minħabba li l-Covid-19 għad irid jilħaq il-massimu tiegħu u bir-rata tal-imwiet qiegħa dejjem tikber. Għaldaqstant kulħadd għandu jiġbed ħabel wieħed biex tingħeleb din l-isfida.

L-istqarrija kienet tgħid ukoll li, nhar is-Sibt, il-kumitat se jiltaqa’ mal-Assoċjazzjoni tal-Players (PFA) biex jitkomplew id-diskussjonijiet rigward is-sitwazzjoni preżenti minħabba l-coronavirus.

Sadanittant, f’din il-laqgħa l-clubs tal-Premier qablu li jiddiskutu mal-players rispettivi biex jitnaqqsilhom 30% mis-salarju tagħhom.

Infatti l-players ta’ Manchester United kienu l-ewwel li aċċettaw dan it-tnaqqis għal xahar bil-flus kollha jmorru għall-isptarijiet u ċ-ċentri tal-belt tagħhom.

Barra minn hekk, il-Premier League ivvota £125 miljun għall-English Football League u għan-National League hekk kif jinsabu jiġġieldu kontra l-effetti ekonomiċi li qed tħalli warajha l-pandemija tal-coronavirus.

Il-clubs tal-ogħla diviżjoni aċċettaw ukoll li jagħmlu donazzjoni ta’ £20 miljun lin-NHS, lill-kommunitajiet lokali, familji u gruppi, li ġew affettwati mill-kriżi kkaġunata minn dan il-virus.

Share With: