Il-president tal-UEFA jrid li l-kampjonati jitkomplew

Il-president tal-UEFA, Aleksander Ceferin, insista li m’hemmx għażliet biex jispiċċaw l-kampjonati u t-tazzi waqt li huwa kunfidenti li l-istadiums mingħajr spettaturi se tkun miżura għal “perjodu limitat”.

Il-kap tal-għaqda li tmexxi l-football fl- Ewropa tkellem dwar il-fiduċja tiegħu li l-istaġun 2019/20 jitlesta, minkejja sospensjoni indefinita tal-isport mal-kontinent kollu.

L-ebda programm ma ġie mwaqqaf mill-ewwel nofs ta’ Marzu u huwa improbabbli li l-football jerġa’ jibda f’xi kampjonati maġġuri fis-sitt ġimgħat li ġejjin, bil-biżgħat li jista’ ikun hemm assenza ferm itwal.

Kien hemm biżgħat li l-istaġun attwali ma jintemmx għalkemm Ceferin qal li r-ritorn tal-football huwa “l-iktar ħaġa importanti” u tkellem ukoll dwar l-importanza li tkun garantita s-saħħa ta’ dawk kollha nvoluti fil-ġurnata tal-partita.

Is-Sloven qal ukoll li ma kien hemm l-ebda skadenza li għaliha kienu qed jaħdmu u ċaħad li kwalunkwe kompetizzjoni kellha tiġi dikjarata nulla u lanqas li ma jerġgħux jibdew.

“Il-prijorità hija s-saħħa tal-partitarji, tal- players u tal-managers,” qal Ceferin.

“Jiena ottimist min-natura, naħseb li hemm għażliet li nerġgħu nibdew u nispiċċaw it-tazzi u l-kampjonati. Aħna jista’ jkollna nilagħbu mingħajr spettaturi, iżda l-iktar ħaġa importanti hija li tilgħab il-logħob.

“Għall-ewwel se jintlagħab wara l-bibien magħluqa, iżda huwa aħjar li tilgħab mingħajr spettaturi milli ma tilgħab xejn. Il-football iġib l-emozzjonijiet u l-ferħ lill-partitarji li għandhom bżonn iddisprat, direttament fi djarhom.

“Dawn il-miżuri jkunu biss għal perjodu limitat biex ftit ftit nirritornaw għan-normal, ħalli nerġgħu naraw l-istadiums mimlijin, iżda m’hemm l-ebda skadenza.

“Aħna qed nanalizzaw l-għażliet kollha, u hemm għażliet biex jintemmu t-tazzi u kampjonati.”

Share With: