Il-Pulizija mhux se tieħu passi dwar it-talba tal-BirdLife

Il-Pulizija ikkonkludiet li ma hemmx lok li tieħu passi dwar it-talba li saritilha mill-BirdLife Malta biex tinvestiga l-ħruġ tal-liċenzji lill-kaċċaturi.

L-għaqda lmentat li l-liċenzji nħarġu illegalment għax il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ma kellu ebda dritt legali li jkun hu li joħroġhom.

Darryl Grima u Mark Sultana, bħala l-President u l-Kap Eżekuttiv tal-BirdLife Malta, talbu lill-Pulizija biex mhux biss tirtira l-liċenzja tal-kaċċa li nħarġet lil madwar 6,000 kaċċatur imma wkoll tordna l-arrest ta’ dawk li nqabdu jikkaċċjaw mingħajr liċenzja valida.

Dan wassal biex l-istess Ministru Camilleri, il-Ministru Silvio Schembri u l-ewroparlamentari Alex Agius Saliba ħarġu jikkritikaw lill-għaqda għal dan il-pass.

Il-pożizzjoni tagħhom dwar din il-kwistjoni wasslet biex il-BirdLife Malta ħarġet tgħid li kitbithom kienet intiża li tinċita l-kaċċaturi kontrihom u iddikjarat li ma kinietx se tiġi intimidata.

Minkejja l-kwerela li ippreżentat fejn ħeġġet lill-Aġent Kummissarju jinvestiga l-allegat invalidita tal-liċenzji, il-Pulizija ħabbret li ma kinitx laqgħetha.

Il-Pulizija sostniet li wara li analizzat fil-fond il-kontenut tal-kwerela u qieset iċ-ċirkostanzi kollha waslet għall-konklużjoni li ma kienx hemm lok li jittieħdu passi ulterjuri.

Share With: