Il-UEFA se tagħmel minn kollox biex il-kampjonati jispiċċaw

Il-UEFA tat “rakkomandazzjoni qawwija” lill-federazzjonijiet tal-football Ewropej biex jippruvaw itemmu l-istaġun kurrenti ladarba l-logħob ikun jista’ jerġa’ jibda wara l-waqfien ikkawżat mill-pandemija Covid-19.

It-twaqqif tal-isport seħħ wara t-tfaqqigħ tal-virus qerriedi bil-kompetizzjoni Euro 2020 posposta sas-sena d-dieħla u kemm il-kampjonati nazzjonali kif ukoll il-kompetizzjonijiet kontinentali tal-clubs ġew imwaqqfa wkoll

Il-UEFA, li hija l-għaqda li tmexxi l-football fl-Ewropa, għamlitha ċara li trid li l-assoċjaz­zjonijiet membri tagħha jlestu l-istaġuni domestiċi tagħhom aktar milli jabbandunawhom. Hija tittama wkoll li ttemm il-kompetizzjoni­jiet taċ-Champions League u tal-Europa League.

Il-bieraħ il-55 assoċjazzjoni membru ħadu sehem f’konferenza bil-video mal-uffiċjali tal-UEFA u filwaqt li l-ebda deċiżjoni dwar l-ippjanar fil-ġejjieni ma ttieħdet, issa qegħdin jistennew il-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv ta’ għada l-Ħamis, għalkemm ma kien hemm l-ebda sinjali ta’ xi bidla mill-politika biex timmira li jintemm l-istaġun kurrenti.

Madankollu, kien hemm tnaqqis fit-ton fuq każijiet eventwali fejn l-istaġuni tal-kampjonati jistgħu jiġu kanċellati – riżultat li l-UEFA kienet pronta topponi.

“Kien hemm rakkomandazzjoni qawwija mogħtija biex jintemmu l-kampjonati domestiċi tal-ogħla diviżjoni u kompetizzjonijiet tat-tazzi, iżda xi każijiet speċjali se jinstemgħu ladarba linji gwida dwar il-parteċipazzjoni fil- kompetizzjonijiet Ewropej – u f’każi ta’ kampjonat kanċellat – ikunu ġew żviluppati,” qalet il-UEFA fi stqarrija.

Qabel il-UEFA kienet qalet, b’risposta għad-deċiżjoni tal-Belġju biex itemmu l-kampjonat tagħhom, li jaqtgħu l-istaġun “għandhom verament ikunu l-aħħar soluzzjoni wara li rrikonoxxew li l-ebda alternattiva kalendarja ma tippermetti li tikkonkludi l-istaġun.”

Kien hemm spekulazzjonijiet li l-UEFA qed tħares li tilgħab il-finali taċ-Champions League u tal-Europa League fl-aħħar ġimgħa ta’ Awwissu, iżda l-bieraħ huma qalu biss li ġiet ippreżentata “varjetà ta’ għażliet ta’ kalendarju li jkopru kemm partiti tal-kompetizzjonijiet tat-team nazzjonali kif ukoll tal-clubs.”

Ġie diskuss ukoll il-finanzjament tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali permezz tal-programm Hat Trick tal-UEFA li tenniet li l-impenn tagħha li tissodisfa l-pagamenti dovuti lilhom se jitħallsu kif ippjanat.

Share With: