Il-UEFA se tiltaqa’ minħabba li qed tkompli l-inċertezza

Il-UEFA se torganizza laqgħa tal-kumitat eżekuttiv li jieħu d-deċiżjonijiet, fit-23 ta’ April, b’diskussjonijiet li x’aktarx jiċċentraw dwar kif, meta u jekk l-istaġun tal-football Ewropew jista’ jerġa’ jibda fost it-tfaqqigħ tal-pandemija tal-coronavirus.

L-isport ġie mwaqqaf għal kollox mill-im­xija bil-finali tal-Euro 2020 posposti għas-sena d-dieħla waqt li kemm il-kampjonati nazzjo­nali kif ukoll il-kompetizzjonijiet kon­ti­nentali tal-clubs jinsabu mwaqqfa wkoll.

L-assoċjazzjonijiet tal-football, kampjonati, clubs u players madwar l-Ewropa qed jid­dibattu kif se jtemmu l-istaġuni u jiżguraw is-sigurtà tal-players u l-uffiċjali.

Il-UEFA, li tmexxi l-football fl-Ewropa, għam­litha ċara li trid li l-assoċjazzjonijiet membri tagħha jlestu l-istaġuni domestiċi tagħhom aktar milli jabbandunawhom, waqt li huwa ttamat ukoll li jintemmu sal-aħħar il-kompetizzjonijiet taċ-Champions League u tal-Europa League.

Fi stqarrija l-UEFA qalet li l-laqgħa, li għandha tiġi preċeduta nhar it-Tlieta minn sessjoni għas-segretarji ġenerali tal-55 assoċjazzjoni membri tagħha, se “tiddiskuti l-aħħar żviluppi rigward l-impatt ikkawżat mit-tfaqqigħ tal-coronavirus fuq il-football Ew­ropew.”

“Il-laqgħat se jħarsu lejn l-iżviluppi kemm f’dawk li huma kompetizzjonijiet domestiċi kif ukoll f’dawk Ewropew,” żiedet tgħid. It-tnejn se jsiru permezz ta’ video conference.

Share With: