“Il-virus se jkompli jinxtered”… riċerkaturi fil-Ġermanja jibżgħu mit-tieni mewġa

Minn MELVIN FARRRUGIA

Riċerkaturi fil-Ġermanja qegħdin jibżgħu li minkejja r-restrizzjonijiet fil-kuntatt bejn in-nies, dawn ma wasslux biex jiġi kkontrollat il-virus iżda taw biss aktar żmien lill-pajjiż. L-epidemoloġisti jemmnu li se jkun hemm it-tieni mewġa u din tista’ tkun agħar mill-ewwel waħda. 

Wara li ttieħdu miżuri drastiċi biex il-pajjiżi jevitaw l-effetti tal-Coronavirus, issa kulħadd fil-Ġermanja u madwar id-dinja jixtieq jirritorna għall-ħajja normali. Madankollu, l-esperti qed iwissu lin-nies biex ma jillaxkaw xejn, peress li jaħsbu li dan il-virus se jinxtered madwar il-pajjiż kollu. Fil-fatt, esperti mill-Istitut Robert Koch, li jispeċjalizzaw fil-kontroll tal-mard, jemmnu li t-tieni mewġa se tiġi fis-sajf jew inkella lejn il-bidu tax-xitwa, meta l-isptarijiet ikunu fl-agħar tagħhom minħabba mard ieħor. 

Barra minn hekk, diversi epidemoloġisti jaqblu li din mhix kwistjoni ta’ jekk tiġrix, iżda ta’ meta se tiġri. Jemmnu wkoll li meta terġa’ tiġi tista’ tkun agħar mill-ewwel mewġa, peress li jkollha impatt differenti minn tal-ewwel.

Fil-fatt, hekk qal il-kap tad-dipartiment tal-viroloġija fl-Isptar tal-Università Charitè ta’ Berlin, Christian Drosten li spjega kif li l-virus se jkun qed jinxtered madwar il-Ġermanja kollha fix-xhur li ġejjin. Jispjega li jekk din tixtered madwar id-dinja, allura jista’ jkun hemm żieda qawwija f’daqqa waħda f’ċerta pajjiżi u tinfirex b’rata wisq qawwija li ma tkunx tista’ tiġi kkontrollata. 

Is-sitwazzjoni hi mqabbla ma’ meta persuna tqabbad in-nar f’foresta. Filwaqt li wara ċerta ħin in-nirien jistgħu jiġu fgati, aktar tard in-nirien li jkunu għadhom jinfirxu minn taħt jibqgħu jinfirxu u malli tagħmel buffura riħ jerġgħu jqabbdu kullimkien.

L-esperti jgħidu li dan jista’ jseħħ ukoll f’dawn iċ-ċirkostanzi u dan hu l-istess li kien ġara mitt sena ilu meta kien hawn l-Influwenza Spanjola. 

Għalhekk grupp ta’ riċerkaturi Ġermaniżi, Helmholtz Initiative qed jitolbu biex il-Gvern Ġermaniż ma jħallix ħafna nies jagħmlu kuntatt ma’ xulxin għax inkella l-attività tal-infezzjoni terġa’ tkompli u tgħabbi b’piżijiet lis-sistemi tas-saħħa pubblika fi ftit xhur. Min-naħa l-oħra, huma jirrakkomandaw biex jintużaw ir-riżultati miskuba bħalissa biex jiżdiedu l-kapaċitajiet tat-testijiet u l-contract tracing ħalli l-epidemija tiġi kkontrollata fit-tul. Minkejja li t-tieni mewġa jaf ma tiġrix għal diversi xhur, l-azzjonijiet tal-lum se jiddeterminaw jekk pajjiż ikunx kapaċi jikkontrolla meta tiġi. 

Share With: