Il-vittmi tal-vjolenza domestika jistgħu jaċċessaw benefiċċju tal-kera ogħla

MILL-MINISTRU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI RODERICK GALDES

Ministru ghall-Akkomodazzjoni Socjali.

Id-dar qatt ma kienet daqshekk ċentrali fil-ħajja ta’ kuljum daqs illum. Il-messaġġ ewlieni u globali tal-Awtoritatjiet tas-Saħħa publiċċi huma ċari – irridu nrażżnu l-pandemija tal-COVID-19 billi nippratikkaw id-distanza soċjali. Ta’ kuljum, is-Supretendent tas-Saħħa, Prof Charmaine Gauci tisħaq biex kemm jistà jkun nużaw darna – aħdmu mid-dar, oqgħodu gewwa ma’ tal-familja biss, użaw il-btieħi, l-gallariji u l-bjut!

Filwaqt li l-familja u d-dar suppost joffru kenn u serħan il-moħħ, għandna individwi li f’dan il-mument straordinarju qiegħdin magħluqin bejn erba’ ħitan, f’post ta’ abbuż fiżiku, emozzjonali u psikoloġiku.

Waħda mill-prinċipji tal-Ministeru li nmexxi, dak tal-Akkomodazzjoni Soċjali, hija li nibbażaw il-miżuri tagħna fuq l-esperjenzi li niltaqgħu magħhom ta’ kuljum. Dejjem sostnejna li l-housing għandu jkun parti minn katina mqabbda ma’ servizzi oħrajn. Qed nitkellem b’mod dirett ma’ organizazzjonijiet mhux governattivi, biex nosservaw mill-qrib kif dawn iċ-ċirkustanzi qed jaffettwaw lill-persuni li jgħixu ma min iwettaq vjolenza domestika. Hawn nisa’, rġiel, tfal u persuni b’diżabilità li bħalissa qed isofru minħabba dan it-tip ta’ abbuż.

Kont minn tal-ewwel li għaraft din il-kwistjoni soċjali u minnufih tkellimt mal-Kummissarju għall-Vjolenza Domestika, Audrey Friġġieri. Ftit wara ħabbart miżura li permezz tagħha, l-benefiċċju tal-kera għal min qiegħed isofri minn vjolenza domestika ser ikun qiegħed jiżdied.

Fi żminijiet bħal dawn huwa importanti li kulħadd kemm jista’ jkun jkollu aċċess għalambjent domestiku kalm. Nispera li din it-tip ta’ miżura toffri tama’ u għajnuna lil min bħalissa qed ibagħti. Il-miżuri u l-policies tal-housing huma hemm għal kulħadd, kbir u żgħir. Aħna ma ninsew lil ħadd fil-ħidma soċjalista’ li qiegħdin inwettqu f’pajjiżna.  Qiegħdin naħdmu viċin tagħkom, biex nifhmu l-isfidi u l-bżonnijiet tagħkom, biex abbażi tagħhom fil-jiem li ġejjin inħabbru aktar miżuri bil-għan li f’dan iż-żmien diffiċli nkunu l-ispalla għal faxex varji tas-soċjetà.

Bħala Ministeru, se nibqgħu naħdmu billi nkomplu niddiskutu ma’ diversi stakeholders biex naraw kif is-sitwazzjoni preżenti qed tolqot lis-settur tal-housing minn angoli differenti.

It-tim tal-policy, taħt id-direzzjoni tiegħi, bħalissa qed jagħmel riċerka estensiva biex nistudjaw u nifhmu mill-viċin il-bidliet fis-settur tal-housing u fil-ħajja tan-nies,li qiegħdin jivżiluppaw waqt din is-sitwazzjoni. Dan għaliex il-viżjoni tagħna tibqa’ waħda proattiva u mhux reattiva. Il-miżuri li dejjem ħabbart, iħarsu fit-tul biex ma jwieġbux biss għal bżonnijiet tal-preżent iżda jaħsbu ukoll f’dak tal-futur.

Share With: