Illum il-UEFA se tagħmel konferenza bil-video

Il-UEFA se tipprovdi aġġornament dwar il-pjani tagħha biex jintemm l-istaġun 2019-20 lill-55 assoċjazzjoni nazzjonali tagħha waqt konferenza bil-video li se ssir illum.

Il-UEFA qed tittama li l-kampjonati jintemmu f’Awwissu, għalkemm f’kull pajjiż, minbarra l-Belarus, għadhom sospiżi u hemm dubji dwar jekk dik l-iskadenza tistax tintlaħaq.

Il-laqgħa tal-lum se tiġi segwita minn oħra li se ssir nhar il-Ħamis tal-kumitat eżekuttiv tal-UEFA.

Fiha huwa mistenni li jiġu pprovduti aġġornamenti dwar il-Kampjonat Ewropew tan-Nisa u n-Nations League, li t-tnejn li huma tmexxew ‘il quddiem biex jippermettu li l-Euro 2020 isseħħ sena wara milli programmata, flimkien ma’ pjani biex jirrilassaw ir-regolamenti finanzjarji għal dan l-istaġun.

Barra minn hekk, huwa antiċipat, li l-UEFA tikkonferma li se tisma’ t-talbiet biex jintemmu l-kampjonati domestiċi kmieni.

Preċedentement kien hemm twissija kontra dan, fejn intqal li l-pajjiżi jirriskjaw posthom fil-kompetizzjonijiet Ewropej fl-istaġun li ġej.

Share With: