Imut Ezio Vendrame magħruf bħala l-‘George Best Taljan’

Tħabbret il-mewt tal-ex player Taljan, Ezio Vendrame, fl-etá ta’ 72 sena. Ħafna kienu jqabblu t-teknika ta’ logħob kif ukoll id-dehra tiegħu mal-ex player ta’ Manchester United, George Best, li miet f’Novembru 2005.

Vendrame kien jilgħab bħala winger u kien player ferm veloċi u ħafif li mhux darba jew tnejn li l-crosses tiegħu rriżultaw deċiżivi sabiex ġew skorjati bosta goals mill-attakkanti sħabu.

Il-media Taljana fakkret il-memorja ta’ Vendrame bħala s-simbolu tal-football tas-snin 70 u ġie mfisser bħala player ribelluż li ma ddejjaqx jagħmel ċerti affarijiet li sa dak iż-żmien kienu kkunsidrati pprojbiti.

Vendrame lagħab ma’ diversi timijiet fl-ogħla diviżjoni Taljana fosthom, Vicenza, Napoli, Udinese u Padova.

Id-dehra tiegħu kienet waħda partikolari fejn b’dak ix-xagħar twil u d-daqna kien ġennen diversi tfajliet ta’ dak iż-żmien li kienu jarawh bħala idolu. Tant hu hekk li hu qatt ma kellu relazzjoni stabbli filwaqt li ftaħar li kellu ammont kbir ta’ tfajliet li, skond hu, kien iħobbhom waħda waħda u li iżda dejjem kien rabta ċoff magħhom.

Wieħed mill-ex clubs tiegħu, Vicenza Calcio, fakkar il-memorja tiegħu kemm fuq is-sit elettroniku tal-club kif ukoll fi stqarrija uffiċjali. Il-club mir-reġjun ta’ Veneto ddeskriva lil Vendrame bħala ġenju fuq in-naħa xellugija tal-ground, ikona u simbolu tal-football tas-snin 70.

Share With: