“Invisible Hands” diġà għenet 30 persuna

Servizz bla ħlas fid-djar ta’ tqassim ta’ essenzjali għall-persuni vulnerabbli… it-telefonati għall-għajnuna telgħu għal 10 kuljum

Minn CARMEN CACHIA

Seba’ barranin li jgħixu Malta fi żmien qasir irnexxielhom jiġbru grupp ta’ 211 volontiera li qegħdin iwasslu xirijiet tal-ikel, mediċini, deterġenti u bżonnijiet oħra tad-dar lill-anzjani u lil dawk l-aktar vulnerabbli tul il-kriżi tal-Coronavirus. L-ORIZZONT tkellem ma’ wieħed mill-fundaturi ta’ “Invisible Hands”, Daniel Goebel, li flimkien ma’ Loic Moncany, waqqfu din l-organizzazzjoni. F’din l-inizjattiva sabiħa l-volontiera jqassmu, bla ħlas, il-bżonnijiet essenzjali ta’ dawk li huma l-aktar fil-bżonn. S’issa 30 persuna gawdew minn dan is-servizz u ta’ kuljum, “Invisible Hands” qiegħda tirċievi sa 10 talbiet għall-għajnuna.

“Importanti li fil-perjodi ta’ kriżi niftakru li aħna komunità waħda. Il-volontiera tagħna qegħdin iwasslu kontribut siewi lill-pajjiż li addottahom u huwa bi pjaċir li qegħdin ngħinu b’dan il-mod.” Din hija d-dikjarazzjoni tal-grupp “Invisible Hands” li permezz ta’ pjattaforma diġitali qiegħed iwassal wara l-bibien tad-djar tal-persuni l-aktar vulnerabbli, il-bżonnijiet tagħhom, bla ħlas. 

Dan il-ġurnal tkellem ma’ Daniel Goebel li qalilna li għalihom bħalissa huwa importanti li juru lill-Maltin li għadna magħqudin minkejja s-sitwazzjoni li ninsabu fiha. Huwa qal li l-għaqda bejn in-nies trid tibqa’ soda minkejja li ħafna barranin, għal raġunijiet differenti, kellhom jitilqu mill-pajjiż. Il-fundatur qal li, “nixtiequ li ma jkunx hemm distinzjoni jew firda bejn il-Maltin u l-barranin għax għal snin twal dan il-pajjiż laqa’ u għex tajjeb mal-barranin. Aħna rridu nagħtu xi ħaġa lura għax il-poplu Malti dejjem aċċettana u laqgħana. Illum il-ġurnata Malta hija l-post fejn inħossni li qiegħed id-dar u għalhekk bdejna din l-inizjattiva.”

Fil-perjodi ta’ kriżi għandna niftakru li aħna komunità waħda…

“Invisible Hands” bdiet l-attività tagħha ħmistax ilu u 60% tal-volontiera huma barranin li jgħixu Malta u l-bqija huma volontiera Maltin. Flimkien dawn qegħdin jikkordinaw ix-xogħol biex jgħinu lill-kommunità Maltija f’dawn iż-żminijiet diffiċli. Goebel spjega li, “qegħdin niffokaw ħafna fuq il-bżonnijiet tal-anzjani, għax dawn għandhom bżonnijiet kbar. Fost dawn għandna waħda minn Għawdex li wliedna jinsabu Malta minħabba x-xogħol. Kif nafu, mhuwiex faċli li taqsam lejn Għawdex u kienet bint din l-anzjana li tkellmet magħna biex tara jekk għandniex volontieri f’Għawdex biex ngħinu lil ommha. Barra minnhekk nirċievu talbiet varji fosthom biex inwasslu mediċini u każ ieħor huwa dak ta’ anzjana minn Wied il-Għajn li kellha bżonn għajnuna biex iġġorr xi ċilindri tal-gass. Dawn huma ftit eżempji tal-każijiet li jidħluna”.

Kull volontier ikopri żona li fiha jista’ jgħin

Volontiera minn din l-organizzazzjoni għamlu messaġġ personalizzat fejn kull wieħed u waħda minnhom semmew il-lokalitajiet li jistgħu jgħinu fihom. Il-persuni li qegħdin jibbenefikaw minn dan is-servizz huma l-anzjani, il-vulnerabbli, kif ukoll dawk li jinsabu fi kwarantina minħabba l-Coronavirus.

Din is-sistema ta’ pjattaforma diġitali fl-istess ħin qiegħda tiġbor, b’mod aktar faċli, lil dawk kollha li jixtiequ jgħinu mingħajr ma jkun hemm xkiel estern. Dan is-servizz huwa importanti hekk kif “Invisible Hands” qegħdin jaraw li se jkun żieda sostanzjali ta’ persuni fil-bżonn fix-xhur li ġejjin.

L-isem tal-grupp – “Invisible Hands” – intgħażel b’relazzjoni mas-sitwazzjoni li ninsabu fiha minħabba l-epidemija tal-Coronavirus, fejn huma wkoll se jkollhom kuntatt minimu mal-persuni li jaqdu. F’dan il-perjodu ta’ iżolament, din l-organizzazzjoni qiegħda toffri għajnuna u anke jsir kuntatt b’mod sigur man-nies f’Malta bħala kontribut żgħir min-naħa tagħhom lis-soċjetà Maltija.

Ħsibna mod kif nagħtu kontribut lill-pajjiż li addottana

Persuna li bbenefikat mill-għajnuna ta’ dan il-grupp qalet, “tlabt lill-Invisible Hands Malta jġibuli frott u ħaxix il-Gżira. Ikkuntatjathom kmieni dalgħodu u b’sorpriża kbira żagħżugħ b’karattru tad-deheb wassalhomli fi żmien qasir ta’ sagħtejn biss. Ninsab kuntenta ħafna li qiegħed isir dan il-proġett minħabba li jiena ma nistax noħroġ mid-dar għax għandi aktar minn 75 sena. Prosit lil kulħadd”.

“Invisible Hands” jemmnu li xi kultant, meta l-bniedem ikollu jiffaċċja perjodu diffiċli f’ħajtu, joħorġu ħafna aspetti pożittivi. Fortunatament f’dan il-perjodu iebes minħabba l-virus, fil-fatt, qegħdin naraw kemm hemm nies li daħlu bi ħġarhom biex jgħinu lill-proxxmu u Malta mhix eċċezzjoni. Volontiera minn diversi pajjiżi qegħdin jingħaqdu flimkien biex jgħinu għall-ġid komuni f’dawn il-mumenti partikolari.

Il-filosofija ta’ din l-inizjattiva ġiet imħaddna mill-volontieri tal-“Invisible Hands”, li bdiet fil-komunità internazzjonali f’Malta proprju x-xahar li għadda wara li bdew jiġu rrapportati l-ewwel każi tal-pandemija fi gżiritna.

Dan il-grupp ibbażat f’Malta qiegħed jgħin b’mod partikolari lill-aktar membri vulnerabbli fis-soċjetà tagħna li huma wkoll fil-lista tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) u tal-Gvern lokali. 

“Invisible Hands” jimxu mal-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa u għalhekk qegħdin iwasslu l-għajnuna mingħajr ma jkollhom kuntatt dirett mal-persuni. Il-volontiera mhux biss jilbsu maskri u ngwanti, iżda wkoll iħallu l-affarijiet meħtieġa wara l-bieb tar-residenza tal-persuna li għamlet it-talba għall-għajnuna. Huma ma jaċċettax flus fl-idejn, iżda jitħallsu lura tax-xirja permezz ta’ sistemi elettroniċi fosthom l-App “Revolut”.

Dawk kollha li għandhom bżonn dan is-servizz jistgħu jċemplu fuq in-numru tat-telefon 21 669 169 jew jidħol fuq is-sit invisiblehandsmalta.org u jniżżel id-dettalji meħtieġa.

Share With: