“Ipparkjajt quddiem l-iskola u bkejt …nimmissjahom wisq!”

Minn MELVIN FARRUGIA

“Iddeċidejt li mmur dawra sar-Rabat. Għaddejt mit-triq tas-soltu u pparkjajt quddiem l-iskola. Skiet perfett. Grawd vojt. Bini vojt. Deżert.

“Ipprovajt niftakar kif tkun issoltu. Ipprovajt niftakar il-boys jiġru fil-grawnd, jgħajtu minn naħa sa oħra biex l-ieħor jaqbad il-ballun… il-ġiri fil-kuritur, il-“Bongu Ms! Illum se nitilgħu fil-lab għal-lesson?” u “Good morning Ms, we have science today!”, l-enerġija li jkollhom li dejjem xtaqt li nqum biha jien filgħodu. U dak il-ħin bkejt. Nimmisjahom wisq.”

Din kienet il-karba tal-għalliema Christine-Marie Saliba li stqarret fuq il-midja soċjali li lbieraħ kienet ġurnata diffiċli għaliha fejn ħassitha xi ftit demotivata minħabba s-sitwazzjoni li qed ngħixu bħalissa. Stqarret li minkejja xorta għaddejja tgħallem lit-tfal online, dan m’għandu x’jaqsam xejn mal-pjaċir u s-sodisfazzjoni tat-tagħlim fil-klassi. Tgħid li hi tippreferi tarahom lill-istudenti, aktar milli tara dak l-iscreen. 

Għalhekk, ilbieraħ hi marret quddiem l-iskola fejn tgħallem u ħassitha emozzjonata kif rat l-iskola vojta u nieqsa mill-qofol tagħha li huma t-tfal. F’dan l-isfond għamlet patt magħha nnifisha li qatt ma terġa’ tieħu dawn l-affarijiet żgħar bħala ċertezza u tapprezzahom aktar. 

Għamlet patt magħha nnifisha li qatt ma terġa’ tieħu dawn l-affarijiet żgħar bħala ċertezza u tapprezzahom aktar.

Ma naqsitx ukoll milli tagħmel kuraġġ lill-kollegi tagħha l-għalliema u qaltilhom li għad jerġgħu jisimgħu dak il-ġiri u l-għajjat fil-grawnd u fil-kuridur. Qaltilhom li għad jerġa’ jkollhom iċ-ċans li jieħdu pjaċir jgħallmu, jisimgħu lit-tfal jirraġunaw u jiggustawhom u saħansitra anke jieħdu xi battikata. 

Christine-Marie qalet li għalkemm fi żmien l-iskola jgħejjew u jinfilġu, dan iż-żmien serva biex jindunaw li mhumiex kapaci jgħixu mingħajr l-istudenti tagħhom. Għalhekk talbet biex għalissa, la ma jistgħux jarawhom, jipprovaw iżommuhom f’qalbhom, biex jimmotivawhom jibqgħu għaddejjin …għalihom.

Share With: